III Ħadd matul is-sena

Int tistà tkun il-Ħames Vanġelu!!!

Il-Vanġelu tallum jibda b’mod interessanti ħafna. Niltaqaw ma’ Luqa li qed bħal donnu jibgħat lil ċertu wieħed Teofilu, il-konkulżjoni tar-riċerka tiegħu. U x’kien l-oġġett ta’ din ir-riċerka? Ċertu Ġesu’ minn Nazaret. L-iskop ta’ Luqa huwa wieħed, li kull min jaqra il-Vanġelu tiegħu – l-Aħbar it-tajba – jsir jaf min hu Ġesu’ u jidħol f’ relazzjoni miegħu. Luqa irid iwassal lil ġenerazzjoni ta’ wrajħ dak li rċieva hu.

Ejja nergħu naraw kif jibda il-Vanġelu:

 

“Bosta kienu dawk li ħadu f'idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f'rakkont wieħed il-ġrajja li seħħu fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b'għajnejhom stess u saru ministri  tal-kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kull ma ġara sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b'ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kull ma tgħallimt”.

 

Għamel xogħolu sew Luqa, tant għamel xogħlu sew li il-kitba tiegħu waslet f’idejna illum, 2000 sena wara. Luqa kellu aħbar sabiħa xi jwassal u wassalha. Ma kienx l-uniku tafux, fil-Bibbja nsibu eżempji oħrajn ta’ nies li kellhom l-iskop, li jwasslu l-għeġubijiet li Alla għamel magħhom lil-ġenerazzjonijiet tà wrajhom. Hekk per eżempju jgħidilna wieħed mis-salmi.

“Dak li smajna u tgħallimna, dak li qalulna missirijietna, aħna ma naħbuhx lil uliedhom, iżda nxandruh lin-nisel ta' warajhom: tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu, u l-għeġubijiet li għamel”. (Salm 78, 3-4).

 

Hekk jgħidilna Evanġelista ieħor fil-bidu tal-ewwel ittra tiegħu.

 

“Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b'għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Kelma tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom.  Għax il-ħajja dehret u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta' dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna. Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma' Ibnu Ġesù Kristu. U qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ”.

 

L-istess San Pawl f’ waħda mill-ittri tiegħu jirrakonta xi ħaġa, li għalkemm hu ma kienx preżenti jixtieq jgħaddiha lil ta’ wrajħ. Araw naqra xi jgħidilna:

 

“Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: "Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b'tifkira tiegħi." Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: "Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b'demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b'tifkira tiegħi." Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi”.

 

Forsi tgħidu “Iva dan ser joqgħod jaqralna biċċiet mill-Bibbja”? Le, u filfatt ser nieqaf hawn. Pero’ nixtieq naqsam magħkom xi ħaġa li lili timlieni bil-ferħ u anke b’ċerta responsabilita’. L-ewlenin insara, dawk ta’ madwar 2000 sena ilu, kellhom il-gost li jiltaqaw flimkien u jirrakkontaw fuq Ġesu’. Il-ħajja tagħhom kellha skop prinċipali li jxandru madwar id-dinja min hu Ġesu’ Kristu, kemm hu sabiħ li ssir tafu, kemm dan Ġesu’ jista’ jagħti skop għal ħajtek. Meta kienu jsiru numru mhux ħażin kienu jiffurmaw komunita’ għax fehmu li flimkien setgħu jagħtu xhieda aħjar ta’ dan Ġesu’. Wara li kienu jiltaqaw biex jisimgħu fuq Ġesu’ kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija, jieklu ġismu, jixorbu demmu. Ħajjithom saret rakkont wieħed tal-esperjenza tagħhom ta’ Ġesu’ Kristu. Tafu wkoll li mhux ħajjithom biss, imma anke mewthom saret rakkont dwar Ġesu’. Kemm minnhom, ħafna nafu bihom u ħafna ħafna iktar ma smajna qatt bihom li ħajjithom saret rakkont dwar Ġesu’, tant li biex ma jiċħdux il-vokazzjoni tagħhom li jirrakuntaw spiċċaw martri, xerrdu demmhom kollu biex jibqgħu jgħidu li Ġesu’ huwa il-Mulej.

Anke fi żmienna, ħafna huma dawk li baqgħu jirrakuntaw min hu Ġesu’ u kemm jagħmel sens li tagħti ħajtek għalih. Insemmu xi ftit riċenti, li nafu bihom bħal San Massimiljan Kolbe, Madre Tereża, Ġwanni Pawlu II. Dawn urew li d-dinja li iva jagħmel sens li tiskopri lil Ġesu’. Dawn għexu bl-imħabba tiegħu, dawn taw ħajitthom għall-oħrajn. Bħal Ġesu’ issalbu biex jaraw lill-oħrajn kuntent. Hekk kif Ġesu’ sar ħobż biex niekluħ, huma wkoll saru ikel biex ħaddieħor jiekol minnhom. Wieħed fosthom, San Massimiljan saħansitra jagħżel li jinqered hu biex isalva missier ta’ familja.

F’kelma waħda dawn in-nies saru Vanġelu ieħor. Ħajjithom kienet rakkont tal-imħabba t’Alla.

U jien, kemm iltqajt ma’ Ġesu? Ħajti kemm hi rakkont kontinwu ta’ dak li Alla qed jagħmel fil-ħajja tiegħi? Kapaċi nirrakonta l-imħabba t’Alla permezz ta’ ħajti? Kapaċi nagħraf li anke fi tbatija jien nista’ nkun rakkont tal-imħabba t’Alla? Żgur li iltqajt ma’ persuni li permezz ta’ ħajjithom u saħansitra permezz ta’ tbatijithom qaluli xi ħaġa sabiħa dwar Alla. Kemm naf bir-responsabilita’ li għandi  li jien nittrasmetti lil uliedi il-fidi li lili tawni? Ma ninsewx li kemm fiz-żwieġ u kemm fil-magħmudija ta’ uliedi jien għamilt wegħda fuq l-artal li ħa nittrasmettilom il-fidi. Il-vokazzjoni li ħajti tkun rakkont ta’ Alla mhix biss vokazzjoni tas-saċerdoti, ovvjament gwaj jekk dan ma nagħmluħx, imma hija vokazzjoni ta’ kulħadd.

Ġesu’ kien l-ewwel wieħed li beda jirrakonta fuq min hu Alla, għamel dan bi kliemu, b’għemilu, bil-mewt u il-qawmien tiegħu u permezz li baqa’ magħna fl-Ewkaristija. Ħafna għamlu bħalu, b’ħajjithom tkellmu dwar Alla, ħajjithom saret rakkont fuq Alla? U jien? U int?