III Ħadd tal-Għid

Agħfas hawn għal-Qari

Tħobbni int aktar minn dawn? Min min? Mill-appostli l-oħra? Mid-dgħajsa, mix-xibka, mill-ħut li qbadna? Skond l-istudjużi nistgħu nikkonkludu ukoll li Ġesu' kien qed isaqsi lil Pietru jekk iħobbux iktar minn dawk l-affarijiet illi hu setgħa b'kull dritt isejjaħ tiegħu, u allura iva, dak kollu li lil Pietru kien jagħtiħ ċertu sens ta' sigurta. U allura iva, ix-xbiek, id-dgħajsa, il-ħut.

Donnu Pietru meta f'ħajtu ma jarax iktar lil Mulej, imur għal dak li dejjem għamel, jistad! Din setgħet ukoll kienet it-tentazzjoni tal-Knisja tal-bidu, tal-ewwel insara. Bosta kienu dawk l-insara li kienu jistennew li wara li l-Mulej tela' s-sema ma kellux idum ma jerġa' jitfaċċa fuq l-art. Imma bħal donnu ġara' xi ħaġa u ittardja. Kienet mistoqsija tajba li wieħed isaqsi: "U issa"? u li wieħed jikkonkludi "La ma ġiex kulħadd imur lejn daru, l-aħħar wieħed jitfi d-dawl u barra bid-daqq"!

Imma issa l-insara kellhom jitgħalmu jagħrfu jaraw lil Ġesu' mod ieħor. Issa d-dixxipli kienu mistiedna jibqgħu fidili bl-imħabba anke jekk "l-għarus iddawwar biex jiġi". Kellhom jibdew jirfinaw il-vista tagħhom u jaraw l-għemejjel tiegħu fil-ħajja ta' kuljum, kellhom jindunaw li huwa hu, anke jekk ma jidhirx li qed ilestilhom il-ħut x'jieklu fuq ix-xatt, kien hu, il-KELMA tiegħu li qed tgħinhom jaqbdu il-ħut!

L-appostli u Pietru issa kienu qed jiġu mistiedna iħobbu lil Ġesu' anke meta il-preżenza tiegħu ma tkunx daqshekk evidenti.

U kemm jiġri lilna wkoll dan! Arana mimlija entużjażmu meta il-Mulej nħossuħ ħaj, magħna, għalina. F'dawk il-mumenti nħossuna fis-seba' sema. Imma x'jiġri meta Alla ma jibqax daqshekk evidenti f'ħajti? Nerġa immur lura għal-affarijiet ta' dari, qabel ma beda kollox? Nerġa' ndur għal dak kollu li lili jagħtini sigurta'?

Illum il-Mulej qed jistedinni nintelaq f'idejħ. Qed jistedinni nsri kapaċi nħalli lill-ħaddieħor ilibbisni u jeħodni fejn ma rridx.

Biex nasal għal dal-mument ħaġa waħda hi bizzejjed: nemmen li hu għażilni minn dejjem u qed jerġa jagħzilni illum, anke jekk ċħadtu tlett darbiet. "Ejja Warajja"!