III Ħadd tar-Randan

Lq 13, 1-9

Dak il-ħin stess ġew xi wħud u qalulu b'dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: "Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa' t-torri ta' Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta' Ġerusalemm! Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda." U qalilhom din il-parabbola: "Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, 'Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f'din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa' tkidd l-art? Iżda dak wieġbu, 'Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.'?"

 

Ejjew nibdew...inxammru il-kmiem

Ma nafx intom imma jien niddejjaq nistenna. U xi kultant li tistenna kapaċi jsir xi ħaġa insopportabbli. Ngħidu aħna meta tkun qed tistenna ir-riżultat ta’ xi interview għal xi xogħol ġdid, ir-riżultati tal-iskola, jew dawk mediċi.

Jista’ jiġrilna wkoll li kultant ngħejjew nistennew lil xi ħadd jikber, lil xi ħadd jimmatura. Għal min hu edukatur jaf tajjeb kemm li wieħed jikber u jimmatura huwa proċess li jieħu ż-żmien u jirrikjedi ħafna paċenzja. Kemm ġenituri jixtiequ li t-tfal tagħhom jifmuhom mill-ewwel f’dak li jgħidulhom għal ġid tagħhom? Kemm għalliema jkunu jixtiequ li dak li jgħidu jaqa’ fuq widnejn miftuħa li lesti jitgħallmu u jifhmu?

Ħafna drabi jiġri ukoll li ngħejjew nistennew lilna nfusna nikbru. Irridu nsiru tajba u perfetti mill-lum għal għada. Inkunu irridu kollox lest, fl-iktar ħin qasir possibli. F’dinja fejn huma moda il-crash courses u  tiġi offruta lilna il-kapacita’ li nitgħallmu lingwa f’sajf mingħajr ma jonqos il-ħin għal-baħar u ddivertiment, kull ħaġa li tieħu ż-żmien tgħejjina. Inħossu iva, li bdejna ngħixu il-ħajja nisranija bis-serjeta’ imma jiġu mumenti fejn donnu kollox jisfa’ fix-xejn u nsibuna naħsbu kif konna naħsbu ilbieraħ meta lil Ġesu’ konna għadna m’għarafnieħx. Insibu nagħmlu affarijiet li għedna li daqshekk għamilniehom. Insibuna ma nagħtux il-frott. U arana naqtgħu qalbna u ngħidu li kollox għal xejn. Jiġrilna li nkunu nixtiequ nikbru tassew, imma ma nkunux lesti għall-isforz illi kull maturita’ tirrikjedi. F’kelma waħda ninsew dak li kien jgħid Dun Ġorġ Preca li l-qdusija mhix f’erba t’ijiem!

Alla, bħala edukatur eċċellenti jixtieq li aħna nikbru u nagħmlu l-frott. Il-gost ta’ Alla hu li lilna jarana nikbru, nisbieħu, nimmaturaw, nagħmlu deċiżjonijiet li  jibnuna u għal dan jagħtina iż-żmien. Propju dan li qiegħdin ngħixu matul dan ir-Randan. Qed nippruvaw naraw fejn wasalna s’issa, u fejn nixtiequ naslu. Bejn ‘hawn’ u ‘hemm’ jeħtieġ nagħmlu biċċa triq. Din it-triq nistgħu nagħmluha jekk ikollna il-fiduċja li dak li jaħdem l-għalqa lil din is-siġra mhux ser jaqlaqgħa, anzi ser jagħmel minn kollox biex ma tinqgħalax, ser jagħżaq madwarha, u ser jagħtiha d-demel.

U jekk hu qed jieħu paċenzja miegħi, kif ma neħux l-opportunita’ biex miegħu nagħmel min din is-siġra waħda għammiela? Illum għandi opportunita’ ninduna li m’għamilt frott, jew li għamilt ftit. Illum għandi l-possibilita’ ninduna li Alla miegħi, u ser jgħini nikber. Iva ser ikun hu li jagħmel minni persuna sabiħa. Mela x’qed nistenna? Nibda.