Solennita' tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej

 

Hekk kif l-Appostli jiġu bil-problema għand Ġesu', Ġesu' mingħajr donnu ma jaħsibha darbtejn iwieġeb: "Agħtuhom intom x'jieklu". Xi studjużi tal-Bibbja jgħidu li traduzzjoni iktar eżatta għanha tkun: "Agħtuhom lilkom infuskom x'jieklu". Jekk inhu hekk m'għandniex għalfejn neħduha ħafna bi kbira għax hu stess għamel hekk. Il-kliem tiegħu li kuljum, għall-sekli sħaħ u illum, jiġi irrepetut mijiet u eluf ta' drabi jgħid hekk: "Ħudu u kulu għax dan huwa ġismi, ħudu u ixorbu għax dan huwa demmi". Forsi Ġesu' ma tax ġismu fuq salib biex aħna ngħixu? Forsi ma kienx ġa, qabel ma spiċċa ma' salib sar kollox għall-kulħadd? Forsi ħinu mhux kollu għan-nies kien? Forsi ma kellux kelma għall-kulħadd? Ħajtu forsi ma kienetx għotja totali, sal-aħħar, mingħajr ebda kundizzjoni? Ħajtu kienet dan kollu! "L-Aħħar qatra ta' demmek tagħtilna" jmur jgħid il-poeta. 

Illum hija il-festa tal-Ewkaristija, hija il-festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, imma hija wkoll il-festa tagħna. Illum il-Mulej qed jistiednek tagħti ħajtek, issir Ewkaristija, tagħti ġismek biex ħaddieħor jieklu, u demmek biex jixorbuħ. (Meta Ġesu' tkellem fuq dan ma fehmuhx, iġifieri ma niskantax jekk anke aħna insibu diffikulta' biex nifhmu). Ġesu' qed jistedinna biex ħajjitna issir Ewkaristija, Offerta, Għotja...għaliex? Biex kulħadd jiekol u jixba kif ġralhom in-nies tal-Vanġelu tallum.

Immaġinaw dinja fejn kulħadd isir bħall-Ġesu', kullħadd jingħata bla kundizzjoni fl-imħabba! Xi ġmiel! Forsi qed nesaġera hux veru? Jew qed nippretendi iżżejjed! Vera, id-dinja kollha forsi ħafna, imma int li qed taqra tista' tibda tingħata b'iktar imħabba. Issir dik l-Ewkaristija li tirċievi. Tara kif id-dinja ssir ftit isbaħ.

Il-Paċi miegħek,

Il-Ħadd it-tajjeb