Il-15 il-Ħadd ta' Matul is-Sena

 

 

Mhux illumm bdew il-piki u r-rivalitajiet bejn il-bnedmin. Donnu il-bniedem minn dejjem prova jsib xi ħaġa li tifirdu minn ħuh. Kultant ir-raġunijiet ikunu serji, kultant banali, imma donnu fil-qalb tal-bnidem hemm ix-xewqa li jkollu xi jgħid ma’ xi ħadd. Hekk kienu il-Lhud u is-Samaritani fi żmien Ġesu’. Fuq diversi aspetti: reliġjużi u soċjali il-Lhud u s-Samaritani ma setgħuz iniżżlu lil xulxin.  Reliġjożament is-Samaritani għall-Lhud kienu eretiċi. Ma kellhomx tempju u allura ma setgħux jiltaqgħu ma’ Alla. Kienu nies ta’ kasta inferjuri. Jekk Alla kien ipprefera lil Lhud bħala il-poplu il-magħżul allura ovvju li s-Samaritani kienu fuq tarġa inqas. Barra minn dan il-Lhud kienu jqisu lilhom infushom bħala razza pura, mhux imħalltin fiż-żwieġ ma’ popli oħra, is-samaritani mħalltin, allura impuri.

U kien propju l-għadu, l-impur, l-eretiku li jġib ruħu ta’ proxxmu skond Ġesu’. Il-Qassis Lhudi u il-Levita, it-tnejn li huma nkwetati iżżejjed minħabba il-kult jibqgħu għaddejjin minn fejn ħuhom lhudi “nofsu mejjet”. Kienu esperti fil-liġi u kienu jafu li jekk imissu ma’ katadvru, jew persuna nofsha mejta ma setgħux jagħtu servizz fit-tempju għax ikunu tniġġzu.

Is-Samaritan ma kellux minn dawn il-problemi. Fehem mill-ewwel li minkejja d-differenzi kulturali, soċjali u reliġjużi dak il-lhudi kellu bżonn l-għajnuna. Quddiem it-tbatija, għas-Samaritan ma kienx hemm problemi ta’ razza u kultura. Jinżel minn fuq il-bhima, idewwi il-feriti ta’ dak l-imsejken, u saħansitra itellgħu fuq il-bhima tiegħu. Barra minn dan jieħdu il-lukanda, jħallas għalih hu u jaċċerta lil sid il-lukanda li f’kas ta’ bżonn iħallaslu iktar.

Forsi mhux dan li aħna nixtiequ li jagħmlu magħna kull darba li nsibu ruħna nofsna mejta f’nofs it-triq? Forsi mhux dan li jagħmel Alla ma kull wieħed u waħda minnha kull darba li għajjiena nintefgħu mal-art bla nifs? Ma kienx hu li minn Alla sar bniedem, dewwa il-grieħi tagħna, niżel hu minn fuq it-tron tal-glorja biex fuqu jpoġġi lilna? U allura mhux forsi dan li jixtieq Alla minna kull darba li niltaqgħu ma’ xi ħadd għajjien, mbiċċer, bla dar, nofsu mejjet għal-għonq it-triq ta’ ħajjitna.

Dak li għamel is-Samaritan mhux dejjem faċli. Kultant jiswielna, imma ċertament jagħti ħelsien. Ikun għamilna proxxmu. Ikun għamilna werrieta tas-Saltna.

 

Il-Ħadd it-Tajjeb