Il-25 Ħadd ta' Matul is-Sena

 

Ikklikja hawn għall-Qari:

Vanġelu stramb. Is-Sibt li għadda filgħaxija bqajt meraviljat li għall-kumment: “Kull darba li nisma’ dan il-Vanġelu inħoss fija li Ġesu’ ħaqqu ċapċipa kbira, għax trid tkun vera intelliġenti biex toħroġ b’parabbola bħall din”! Bqajt meraviljat għax kif għedt hekk kulħadd fil-knisja beda jċapċap. Fraħt fuq li fraħt għax l-Imgħallem kien vera ħaqqu dik iċ-ċapċipa. Naħseb tiftakru li il-Vanġelu kien dak tal-Iben il-Ħali. Forsi illum ma tiġiex daqshekk naturali li nċapċpu, għax il-Vanġelu ma jinfthiemx mill-ewwel.

Bħall-donnu Ġesu’ qed ifaħħar id-diżonesta’ ta’ dak l-amministratur. Ejja ma nagħġlux! Ġesu’ ma jfaħħarx id-diżonesta’ tiegħu imma l-għaqal tiegħu, jew forsi aħjar ngħidu, faħħar il-fatt li kien moħħu jilħaqlu. L-amministratur meta jara li kien ser jispiċċa ħażin, li kien ser jitkeċċa mix-xogħol, jinvesti mod ieħor. S’issa kellu moħħu mistrieħ mill-paga u mill-ġid tas-sinjur tant illi kien iberbaqlu kollox. Fi ftit ġranet kellu jispiċċa jirreġistra, imma ma jaqtax qalbu, jkompli jqarraq ftit bis-sinjur, ħalli hekk kif jispiċċa bla xogħol isib min jassiguralu il-pappa.

Dan ir-raġel kif jgħid Ġesu’ irnexxielu jagħmel ħbieb bi qliegħ diżonest biex ma jispiċċax bla saqaf fuq rasu. Ġesu’ jgħid li aħna, nies tajbin imma ftit intelliġenti, jeħtiġilna nagħmlu l-istess: “Agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qliegħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem”. Forsi tgħiduli: “Imma kif”? “Min jistgħu ikunu dawn il-ħbieb”? “Fejn u kif ser ninvestu”? “Min ser jilqgħana fl-għerejjex ta’ dejjem”? It-tweġiba hija waħda ċara u faċli. Dawn il-ħbieb huma il-foqra. L-għerejjex ta’ dejjem hija il-ġenna. L-investiment huwa li ninvestu flusna fil-foqra. Ser ikunu huma li jilqgħuna fl-għerejjex ta’ dejjem.

Nispera ma inħsadtux. Iva ilkoll kemm aħna qiegħdin ‘l bogħod minn dak li qed jipproponi Ġesu’. Malli xi ħadd imissilna il-but nħossu bħall-weggħa f’qalbna u għoqla fi griżmejna. Fina, kbir jew zgħir, hemm jgħammar Mr. Scrooge. Min m’għandux jeqred għax m’għandux u min għandu jeqred għax jitolbuħ. Ġesu’ qed jgħid li magħna il-ġenna ser nieħdu l-opri tajba li għamilna, żġur mhux il-flus. Tiftakru meta ftit ilu Ġesu’ tagħna l-invitation list ta’ meta nagħmlu xi ikla? Stieden lil min ma jistax jistiednek lura. Tiftakru x’qal dwar il-ġudizzju: “Kont marid u ġejtu żżuruni, kont barrani u ilqajtuni, għeri u libbistuni, fil-ħabs u ġejtu tarawni”?

Kemm hemm affarijiet li fil-ġirja tal-ħajja ta’ kuljum jaqbżulna, għax għadna x’nagħmlu, għax tant irridu nlaħħqu mal-eseġenzi ekonomiċi tagħna li ninsew ninvestu fil-fqir. Mhux qed ngħid li l-unika soluzzjoni hija li nagħtu il-flus kollha li għadna u nsiru foqra aħna ukoll, inkella ma tantx inkunu solvejna l-affarijiet. Imma kemm ilni ma mmur nara lil xi ħadd marid jew waħdu? Kemm ilni ma nieqaf nitkellem ma min naf li hu batut, għajjien jew imdejjaq? Il-ħin, li illum jiswa’ daqs il-flus, kif qed ninvestiħ? Kemm ilni ma nċempel lil xi ħadd li naf li dejjem waħdu? Kemm jirnexxieli naqla ġlied minħabba li sirt skjav tal-flus? Kemm jien ġeneruż mal-istess nies ta’ dari?

Ġesu’ huwa ċar, u anke jekk iweggħana, dan jagħmlu bi skop. Irid jeħlisna u magħna jrid jeħles nies lill-ħutna. Ejjew ninvestu fil-foqra, ser ikunu huma li jilqgħuna fl-għerejjex ta’dejjem.

Mhux biex iċċapċpu tafux imma f’dan il-Vanġelu Ġesu’ reġa' wera’ l-intelliġenza sottili tiegħu. X’ma nħobbuħx!

 

Il-Ħadd it-Tajjeb