Il-Magħmudija tal-Mulej

 

 

Hemm hu fil-kju mal-midimbin! “Hu li kellu n-natura ta’ Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma iċċekken...” Tal-għaġeb dan Alla tagħna! Wara preżentazzjoni solenni minn Ġwanni il-Battista hu jiġi mistur, ħadd ma jinduna biħ, wara kulħadd, tal-aħħar u jinżel biex jitgħammed. Imma x’ser jitgħammed jagħmel jekk hu bla dnub? Kif ma juriex lilu inniffsu? Kulħadd qed jistennieħ u hu jasal l-aħħar mingħajr ħoss.

U anke jekk Ġwanni jipprova jimpedilu li jitgħammed, Ġesu’ jinsisti: “Jeħtieġ nagħmlu dak li hu sewwa”! Imma x’ser jitgħammed jagħmel jekk hu bla dnub? Għas-sempliċi raġuni li ġie biex iġibek bħalu. Hu li hu bla dnub joqgħod dil-kju warajk biex inti ma tisħtix, biex ma tħsossokx waħdek, Alla tiegħek miegħek. Jiżel daqshekk fil-baxx għalik biex inti tgħola ‘l fuq.

Kien jaf ukoll li inti ma tista’ qatt waħdek tinħeles minn dak li qed iżommok skjav, tippretendi iva li tinħeles imma arak terġa l-istess. Taħdem iva bi sħiħ imma donnu għalxejn. Qablek, bħalek, kienu ħafna li pruvaw. Ivvintaw il-magħmudija tal-ilma imma l-ilma ma kienx qaddis, kien iva jirrapreżenta tisfija imma ma jsaffix. Kien juri volonta’ ċara li wieħed irid ibiddel ħajtu imma ma jqaddisx. Imma Hu niżel fl-ilma u dak l-ilma qaddsu, anzi qaddes kull ilma, fuq kollox dak li inti, min jaf kemm il-sena ilu, tgħammidt bih u qaddsek għal dejjem bl-Ispirtu s-Santu.

 

Dakinhar inti ftit li xejn kont taf imma forsi illum tintebaħ li sa minn kmieni tfawwart bil-grazzji. Dakinhar, u forsi xi ftit ritratti jagħtu xhieda, ħaduk il-Knisja u għalik xi ħadd stqarr li jemmen f’Alla u ċaħad lid-dnub u lit-tlellix kollu tiegħu, għalik ċaħad lil Satana inniffsu.

U sejjħulek b’ismek. Dakinhar għall-ewwel darba f’ħajtek ġejt imsejjaħ bl-isem li ġġib illum. Qas temmen! L-ewwel darba li sejjħulek b’ismek għamluħ biex tinkiteb fil-lista tal-qaddisin. Dakinhar li sejjħulek l-ewwel darba b’ismek tawk garanzija li inti ta’ Alla, irrilevanti x’kellu jkun il-futur tiegħek, irrilevanti x’kellek tgħid, x’kellek tagħmel. Dakinhar ismek semgħuh l-anġli u il-bnedmin. Forsi ħadd ma kien jaf eżatt x’kien qed jiġri lanqas min resqek lejn il-fonti, imma Alla kien jaf!

Dakinhar iva, tawk garanzija li inti ta’ Alla, li inti ibnu imma tawk ukoll missjoni, impenn personali li jekk trid tista’ tagħmlu tiegħek u tgħixu jekk trid tista’ tħalliħ fil-kexxun ta’ ħajtek. Dakinhar dilkuk biż-żejt tal-Griżma, dilkuk biż-żejt biex hekk kif ir-wrestlers ta’ żmien ilu kienu jindilku biż-żejt biex jiżolqu lill-avversarju, int ukoll tiżloq lix-xitan, li l-iskop tiegħu li jagħmillek knock out: knock out mill-ħajja tal-grazzja, knock out mill-ħajja sabiħa ma ħutek, knock out minn dak kollu li hu tajjeb, sabih, ta’ valur. Knock out minn dak kollu li hu ta’ Alla.

Tawk ukoll il-libsa il-bajda simbolu tal-ħajja l-ġdida li irċevejt fi Kristu. Libsa li għandek il-missjoni iżżommha bajda kemm jista’ jkun. Ovvjament, ma rnexxielekx dejjem, imma reġgħet akkwistat il-bjuda tagħha kull darba li stqarrejt dnubietek quddiemu, u rċevejt mingħandu il-maħfra ta’ Kristu.

Xi ħadd xegħel ix-xemgħa il-bajda għalik simbolu li int irċevejt dawl ġdid mingħand Kristu ħaj u dak id-dawl tiegħek kellu jibqa’ jixgħel quddiem il-bnedmin. Dakinhar mingħajr ma taf ġejt afdat il-missjoni li tkun “Dawl”, li tkun appostlu, li tkun xhieda ta’ dak illi Alla għamel miegħek.

Imbgħad tawk, permezz ta’ sinjal tas-salib fuq fommok u widnejk, il-kapaċita’ li tisma il-Kelma ta’ Alla u tistqarrha b’fommok. Dak li kellek tisma’ matul l-istorja ta’ ħajtek hu li Alla jħobbok u ġejt mistieden biex bil-kliem u bl-għemil tistqarr li Alla ħelsek, li Alla salvak, li inti l-Iben il-maħbub ta’ Alla u li fik isib il-għaxqa tiegħu.

Dan kollu ingħatalek b’xejn. Hekk kif xi ħadd ħa ħsieb jitimgħek għax bla ikel kont tmut, hekk kif sibt par idejn li refgħuk u tawk in-nutrimenti, hekk kif xi ħadd ħa ħsieb jedukak, xi ħadd tak id-don tal-magħmudija. Vera ma staqsejtx għaliħ, imma anqas għall-ikel ma staqsejt, anqas għal iskola, anqas għall-imħabba. Imma b’xi mod, anke jekk imperfett ġew mogħtija lilek. U ma’ dawn ġiet mogħtija lilek il-grazzja li tissejjaħ l-Iben ta’ Alla.

Issa f’idejk, issa m’għadekx tarbija, tista’ tiddeċiedi illum li tkun dawl għal min jiltaqa’ miegħek, li tkun vuċi ta’ mħabba għal min għandu bżonn imħabbtek. Tista’ tiddeċedi li tisma’ lil Alla jsejjaħlek b’ismek, tista’ tisma il-Kelma tiegħu, tista’ fl-aħħar temmen li Alla mhux kontrik, li ma jridlekx deni, li int għalih tiswa’ u mhux għax itik dak li trid imma għax itik lilu innifsu. Illum tista’ tinduna li dik il-magħmudija ma kientx għalxejn. Alla jħobbok. Ersaq lejħ u jekk tħoss li dik il-libsa, xi ftit jew wisq tilfet xi ftit mill-bjuda tagħha, ersaq, isma’, ilqa’ il-grazzja u l-ħniena tiegħu, li bħal dejjem jingħatawlek b’xejn!