Is-16 il-Ħadd Matul is-Sena

 

 

Immaġinaw li dan l-episodju tal-Vanġelu ġara f'xi raħal tipiku malti. Immaġinaw ftit kif Marta, wara ċ-ċanfira ta' Ġesu', kif kienet tgħolli t-turtiera bil-pastizzi, jew il-borma bl-istuffat tal-fenek mas-saqaf waqt li tgħid: "U mela għamlu intom"! "Dejjem jien nispiċċa nagħmel ix-xogħol, hawn jien il-belha, ar'hemm ħa mmur 'il barra"! 

Forsi jien kont inkun l-ewwel wieħed li nagħtiha raġun. Marta hija il-mara prattika, dik li taħseb għall-affarijiet, dik li tinkwieta fuq bosta ħwejjeġ. Marta hija waħda minnha, li jekk ma jkolliex fuq min tinkwieta ma tħossiex tajba. Hija waħda minnha li ma tafx toqgħod minuta kwieta. Bħalna trid mhux biss tagħti ħinha imma qalbha, ruħha u l-enerġiji kollha biex tagħmel pjaċir...imbghad lil min...lil Alla nniffsu! U Ġesu' ma jagħtihiex raġun...għaliex? Għax Marta ma tafx toqgħd bilqiegħda f'riġlejħ u tisma'. Marija minn naħa tagħha taf toqgħod f'riġlejħ u titpaxxa b'kelmtu. Marija wkoll hija mara li taġixxi imma taġixxi biss wara li tkun semgħet x'qal il-maħbub u l-Imgħallem tagħha. Il-problema ta' Marta li MA TAFX TISMA'.

Kemm għandu x'jgħallimna dan il-Vanġelu, aħna li għadna il-prużunzjoni li nsalvaw id-dinja. Kemm għandu x'jgħallimna lilna li mingħalina nagħmlu elf ħaġa tajba, imma mhux neċessarjament dak li Alla jrid minnha. U kif nistgħu nisimgħu xi jrid jgħidilna il-Mulej, jekk dejjem għaddejjin minn ħaġa għall-oħra u m'għadniex ċans inpoġġu bilqiegħda f'riġlejħ u nisimgħu lil qalbu tkellem lil qalbna? Kif għadna ma ndunajniex li il-Paċi tiġi billi ninxteħtu f'riġlejħ? Kif għadna nippretendu li nagħmlu l-istess xogħol li għoxrin sena ilu kienu jagħmluħ għaxra min-nies? Kemm enerġiji moħlija! U il-Mulej qed jgħidilna illum biex nagħmlu ħaġa waħda, qabel l-elf tajba tagħna, nitgħallmu npoġġu f'riġlejħ. 

Jekk tpoġġi f'riġlejħ darba, titħajjar terġa' tmur, wara ftit il-ħaġa tinżel għasel u il-Kelma tiegħu tibqa' tiġbdek hekk li fik issir ħaġa tassew ħelwa li tkun miegħu. Min fejn kienu jġibu il-paċi tal-qalb il-Qaddisin? Żgur li għax kienu kapaċi joqgħodu miegħu. Min jaf joqgħod waħdu miegħu, jaf ukoll joqgħod mal-oħrajn. 

 

Iġbidna lejk Mulej Ġesu'.

 

Il-Ħadd it-tajjeb