Is-17 il-Ħadd Matul is-Sena

 

 

Immaġina ftit li jkollok somma flus x'tagħti lil xi ħadd! Tafu intom id-dejn iġib dejn ieħor u dejjem jiggrava għax l-interessi mhux xi ħaġa taċ-ċajt. Immaġina tħoss din il-morsa m'għonqok, tqum u torqod taf li trid tħallas id-dejn. Min minnkom kien f'xi storja bħal din jaf kemm id-dejn huwa sors ta' preokupazzjoni enormi. Issa biex nesaġeraw fl-immaġinazzjoni, immaġinaw li xi ħadd jiġi u jħallaslek dak id-dejn kollu, bl-interessi kollha inklużi. Skond San Pawl huwa dak li Alla għamel magħna permezz ta' Ġesu'. Araw naqra xi jgħid: "Ħafrilna  dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieħ min-nofs u sammru mas-salib". Kieku illum abbli kien jikteb "paid in full".

Fil-ktieb tas-Salmi nsibu miktub ukoll: "Daqs kemm hu mbiegħed Lvant mill-Punent hekk hu jbiegħed minnek ħtijietek". 

Allura m'għadniex għax nibqgħu nibżgħu minn dan Alla. Forsi, għadna qed nġorru magħna l-idea ta' Alla li jżomm il-kontijiet magħna, Alla li ser joqgħod ifittex ix-xagħra fl-għaġina magħna, li jekk Alla ħares qatt nagħmlu xi żball u mmutu dritt dritt arana sejrin f'qiegħ l-infern.

Alla huwa dak li jrid jgħini nikber, nisbieħ f'imħabbtu, jweżinni meta naqgħa. Ħa jibqa' jtini possibilita' fuq oħra biex niskopri kemm hi kbira, ETERNA, l-imħabba tiegħu għalija. Mhux biss ħalaqni fuq xbieha tiegħu, imma wkoll meta ħsibt li nista' ngħaddi mingħajru bgħat lill-Ibnu biex jurini sa fejn twassal imħabbtu għalija. "Ħabbni u ta' ħajtu għalija" jgħid San Pawl. Sejjaħli nkun dixxiplu tiegħu mhux għax jien qaddis u perfett, imma biex insir qaddis u perfett fl-imħabba. Meta Alla jħares lejja fija jara lil Ibnu, jarani maħsul b'dak id-demm li xtered għalija fuq is-salib. Jarani nadif, sabiħ, għax Kristu Ibnu lili għamilna ħlieqa ġdida. U bħal li kieku dan ma kienx biżżejjed bgħat ukoll l-Ispirtu tiegħu.

U x'jagħmel fina dan l-Ispirtu t'Alla? Ser jagħmel dak li għalina donnu jidher impossibli. La darba qed nitkellmu fuq il-maħfra tad-dnubiet, nafu tajjeb li anke jekk aħna ġa mifdija, xorta waħda kuljum ikollna inħabbtu wiċċna mar-realta' tad-dnub. Kuljum b'xi mod jew ieħor tiġina l-opportunita' li nagħżlu it-tajjeb mill-ħażin. Jiġri spiss li bħal San Pawl insibuna nagħmlu il-ħażin li ma rridux nagħmlu u miegħu ngħidu: "Min ser jeħlisni minn dan il-ġisem dgħajjef". Kemm drabi nagħmlu riżoluzjonijiet u sforzi biex ninqalgħu mid-dnub? Kemm nibdew nimxu u nergħu naqgħu! Jista' jkun li wara diversi tkaxkiriet, naqtgħu qalbna u nieqfu nixmu. Kemm ser indumu nieħdu d-delużjonijiet? Kemm ser indumu nqerru l-istess? U allura nieqfu.

Ħafna drabi l-unika mediċina hija li ndejqu lil Alla biex jagħtina l-Ispirtu tiegħu. Kemm nitolbu biex ninħelsu? Għadna ma fhimniex li l-isforzi tagħna, minkejja li tajba, mhumiex biżżejjed. U jekk jaħsel ninħelsu bl-isforzi tagħna, xi bżonn ikollna ta' Alla li jsalvana? Ma nibdewx nimmaġinaw li aħna biżżejjed għalina nfusna u salvaturi tagħna stess. Għalhekk ejjew nitolbu lil Mulej, biex verament jagħtina l-Ispirtu tiegħu. Fil-Vanġelu għadna kif qrajna: "Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm iktar il-Missier tas-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu"!

Għalhekk jonqsu l-isforzi, imma jiżdied ħafna t-talb! 

Il-Ħadd it-Tajjeb