Is-26 Ħadd matul is-Sena

 

Anonimu 

Hekk kif naqraw il-Vanġelu nindunaw li m'għadniex l-isem ta' dan ir-raġel għani. B'mod ġeneriku ħafna il-Vanġelu jgħidilna "wieħed għani". Il-Vanġelu ma jgħidilniex x'jismu imma jgħidilna x'kellu; porpra u għażel mill-ifjen u x'kien iħobb jagħmel; kuljum ikla mill-aħjar! U propju fil-għana hemm dan ir-riskju kbir. L-Għani spiss jaħseb li ismu, li l-identita' tiegħu tiddependi biss minn dak li għandu, minn dak illi jagħmel, minn dak illi l-oħrajn jaħsbu fuqu. 

Hekk min ipoġġi il-fiduċja tiegħu biss fil-ġid tal-art jibda jaħseb li ismu huwa l-isem tad-ditta tal-ħwejjeġ li jilbes. Jibda jemmen li dak li jtiħ isem hija l-karozza lussuża li għandu. Miskin jibda jemmen ukoll li ismu jiddependi minn kemm bena affarijiet li jġibu ismu, minn kemm ismu jidher fuq credit cards. Sfortunatament hemm ir-riskju ukoll li jaħseb li għandu isem daqs kemm hu popolari. 

Ovvjament ma nistaġgħbux jekk ma jindunax bil-fqir li jinxteħet kuljum quddiem il-bieb ta' daru, jittallab għall-għajnuna. Għandu aġenda oħra, dik li jkompli jħaxxen bwietu u anke jekk il-fqir jitolbu frazzjon żgħir mill-għana tiegħu, għalih dak ikun telf. Tant ikun mehdi jipprova jagħmel isem, li ma jindunax bil-bżonn li għandu ħuħ mixħut fl-għatba ta' daru . 

Mhux hekk Lazzru. Dan għandu isem, quddiem Alla mhux "wieħed għani" imma Lazzru li jfisser "Alla jgħin". Quddiem Alla jeħduħ l-anġli, mhux bħall-għani li l-Vanġelu jgħidilna biss: "miet ukoll l-għani u difnuh". L-Għani sab ruħu f'Art l-Imwiet waqt li Lazzru jsib ruħu fi ħdan Abram. Xi trattament! Lazzru għamel isem, fis-sema magħruf! Lazzru, kif jgħid ismu stess kien jemmen li Alla jgħin, li Alla ma jħallieħx waħdu, kellu il-qalb tal-fqir. Il-fqir jaf li jiddependi, u ma jaħbix id-dipendenza tiegħu, jekk xejn għax ma jistax. Il-faqar iġiegħlu jkun mal-ġenb tat-triq jittallab il-karita'. L-Għani tant hu mehdi jipprova jagħti isem lilu innifsu li anqas isem Alla ma jidħol fil-vokabolarju tiegħu. L-Għani huwa dejjem il-fqir, li għandu kemm għandu jibqa' jaħseb li m'għandux. L-għani huwa l-anonimu li jipprova kemm jipprova jagħti isem lilu inniffsu ma jagħtihx. 

Tindunaw li jekk il-gimgħa l-oħra il-Mulej stedinna biex ninvestu fil-foqra, din il-ġimgħa il-Mulej qed jgħidilna biex nagħmlu isem quddiemu u dan nagħmluħ billi nirrikonoxxu l-isem tal-foqra. Il-Mulej, qed jerġa' jtambrilna biex nindunaw b'ħutna il-foqra. Qed jistedinna ma nibqgħux indifferenti lejn ir-realtajiet diffiċli ta' ħutna li jkunu magħna. Mhux kliem faċli dan; tagħti minn tiegħek jaf ikun diffiċli ħafna, imma huwa l-ewwel pass biex tibda tinħeles. Jekk għalissa mhux qed jirnexxielek tagħti, almenu biddel il-mod kif tħares lejn il-fqir. Kif tibqa' tgħid li l-fqir dejjem tort tiegħu li spiċċa kif spiċċa. U anke jekk tort tiegħu forsi dan ibiddel il-fatt li hu fil-bżonn? Kif tħares lejn il-barrani? Ser tibqa' titrattaħ bħala problema? Jew ser tkun intelliġenti biżżejjed li tgħid li huwa persuna, bl-istess dinjita' tiegħek li qed jgħix fi problema, li minkejja d-dimensjonijiet soċjali kollha tagħha ma jistax jgħixa waħdu?

Kemm hu sabiħ meta il-Mulej għad jgħidilna: "Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, marid u fil-ħabs u ġejtu u żżuruni, barrani u ilqajtuni". Kemm hu sabiħ li għad naraw u jsejħilna b'isimna! 

Il-Ħadd it-Tajjeb!