Mini-ġenna

 

 

Ftit ilu kont qed inqalleb ftit fil-librerija li għadna il-kunvent u iltqajt ma’ ktieb illi jġib dan it-titlu: “In-Novissmi”. “Dun Ġorġ” għedt f’qalbi. Nistqarr magħkom illi jien wieħed minn dawk li għandi stima u ammirazzjoni kbira lejn il-Fundatur tal-Museum, pero’ nistqarr ukoll li ċerti kitbiet tiegħu ma naqrahomx b’ħafna entużjażmu. Il-fatt jibqa’ li anke jekk ċerti kitbiet tiegħu jmorru ‘l hemm mis-sensibilita’ tallum, lil Dun Ġorġ ma tmeriħx. U żgur la ma tmeriħx meta jitkellem fuq il-mewt, il-kruha tad-dnub, il-ħajja eterna.

Huwa fatt li mitt sena oħra aħna ilkoll li qiegħdin f’din il-Knisja ma nkunux hawn. Huwa fatt li l-ħajja hija fraġli, tgħaddi malajr. Il-Bibbja tgħid li “l-ħajja tal-bniedem hija b’kollox sebgħin sena, tmenin jekk inkunu f’saħħtina u il-biċċa il-kbira taħbit u niket. Malajr tgħaddi u aħna immorru magħha”. Spiss allura, konxji ta’ din il-prekarjeta’ nibdew nagħmlu affarijiet li b’xi mod inessuna li aħna fuq din l-art m’aħniex għall-dejjem. Nippruvaw nagħmlu xi ħaġa biex nagħtu lilna infusna l-impressjoni li aħna għall-hawn. Allura arana nippruvaw noħolqu “Mini-ġenna”. Forsi s’hawn m’hemmx xi inkwiet tal-għaġeb, imma l-inkwiet jibda meta dik il-“mini ġenna” nipprova noħloqha għalija biss. Allura arani nrekken, infaddal, biex qabel norqod filgħaxija jkolli rasi mistrieħa.

Imma filgħaxija rasi ma tistrieħx fuq l-imħadda għax naf li għandi ħafna flus il-Bank, imma għax naf li ta’ ħdejja għandu x’jiekol.

Rasi ma tistrieħx għax lill-mara, sforz ir-regħba tiegħi ma nagħtihiex lanqas 5 euro, imma għax naf li kuntenta li qed naqsmu kollox flimkien.

Rasi qabel norqod ma tkunx mistrieħa għax irnexxieli nġelled familja bir-regħba tiegħi fuq il-wirt li ħallew ommi u missieri imma għax lili ħa jibqgħu jiftakruni bi bniedem ġeneruż u tal-paċi.

U kif tista’ tistrieħ rasi qabel norqod meta naf li minħabba ir-regħba tiegħi hawn nies li mhux qed jitħallsu kemm jistħoqqilhom. Kif nista’ norqod mistrieħ meta nbiegħ prodotti li jagħmlu il-ħsara, huma x’inhuma.

Għall-dan kollu tista’ twassal ir-regħba. Għiduli intom f’Malta (u sfortunatament ftit nitkellmu fuqha) kemm hawn nies li għax alla tagħhom il-flus sallbu lil ħafna oħrajn; vittmi tal-ġlied minħabba il-wirt, vittmi tad-droga u tal-użura.

U allura anke jekk lili jdejjquni omeliji moraliġġanti, anke jekk Dun Ġorġ jidher iebes u ‘il bogħod, anke jekk Ġesu’ illum huwa ċar tant li forsi jaħsadna ma nistawx ma nammettux li ħafna drabi norbtu qalbna wisq mal-affarijiet li jgħaddu. Ħafna drabi it-talb tagħna huwa wisq ikkonċentrat fuq “Ħobżna ta’ kuljum agħtina illum” u ninsew li aħna nistgħu nkunu responsabbli ta’ ħafna nkwiet minħabba il-flus.

Il-Mulej iridna nies ħielsa li ma nsiru skjavi ta’xejn. Meta il-flus iservuni (jaqduni) m’hemmx problemi kbar imma meta jien nibda nsir skjav tagħhom hemm iva, għandi għax ninkwieta. Trid tkun taf x’inhi il-kura? Agħti, qassam, tiekolx waħdek.

J’Alla ilkoll kemm aħna nagħmlu esperjenza ta’ dak li huwa il-ħelsien, il-ħelsien vera, dak li jista’ jagħtina Alla biss!

 

Il-Ħadd it-tajjeb!