It-22 Ħadd matul is-Sena

 

 

"Il-post ta' quddiem". Kemm jingħoġob dan il-post! Jekk inħarsu ftit madwarna, mingħajr ma nkunu pessimisti żżejjed ma ndumux ma nintebħu x'ġirja sfrenata hawn għall-dan il-post. Dan l-imbierek post ta' quddiem, mgħarraq li hu, kapaċi jieħu ħafna forom: karriera, apparenza, affett, esebizzjoniżmu. Donnu hawn mentalita' li tgħidilna: "Biex tkun tiswa' trid tkun dejjem l-ewwel"; "Biex tkun maħbub trid dejjem tidher sabiħ u trid dejjem timpressjona"; "Biex tkun fulfilled irid ikollok biżibilju ta' nies jiġru warajk, inkella ftit tiswa'"; "Biex tkun tiswa' trid tkun l-ewwel fil-karriera, trid tagħmel suċċess fuq ieħor; "Biex tkun tiswa' minn kull fejn tgħaddi jċapcpulek". 

Li tagħmel suċess fil-ħajja mhix  ħaġa ħażina, imma ssir riskjuża meta wieħed jaħseb li jiswa daqs kemm għandu ittri wara ismu, daqs kemm jidher eleganti, daqs kemm jirċievi ittri, messaġġi, emails, daqs kemm wieħed hu mfaħħar, daqs kemm wieħed jaf jitkellem u jimpressjona. Il-ħażin huwa meta wieħed ikejjel lilu inniffsu skond is-suċċessi tiegħu. Hekk kif dawn l-affarijiet jaqgħu, l-istima taqgħa magħhom u wieħed iħossu fallut. Din tal-ewwel post tista' tiġri wkoll fl-affarijiet ta' Alla meta wieħed jaħseb li hu tajjeb daqs kemm jidher tajjeb quddiem in-nies, meta wieħed jaħseb li hu tajjeb quddiem Alla, daqs kemm jiipprova jixtrieħ b'imġiebtu. 

Imma Ġesu' fil-Vanġelu qed jgħidilna li l-ewwel post ma jiddependix minnha, huwa Hu li ser jiġi u jtellgħana quddiem. Huwa Hu, kemm -il darba nkunu umli u nintefgħu fil-post tal-aħħar li se jpoġġina ma' ta' quddiem. Għalih jien niswa, anzi nissogra ngħid ippreferut jekk ma nieħux parti mill-kompetizzjoni feroċi biex inkun minn ta' quddiem. San Franġisk t'Assisi, li ta' dan għamel esperjenza, jgħid li l-bniedem jiswa' daqs kemm jiswa' quddiem Alla u xejn iktar. Kemm ngħixu iktar ferħana, jekk nindunaw li Alla lest jimla lil qalbna b'dak kollu li huwa Hu: imħabba. Kemm nagħmlu inqas ħmerijiet biex nittalbu l-imħabba u l-attenzjoni?

Forsi il-post tal-aħħar idejjaqna, narawh ftit attraenti, imma m'għandniex ninkwetaw ħafna. Dak il-post tal-aħħar ġa meħud. Il-post tal-aħħar ħadu Kristu Ġesu', xejn xejn aħna nieħdu qabel tal-aħħar u nafu żgur li ser ikun hu, li b'ġentilezza jiġi fuqna u jgħidilna: "Ħabib, itla' f'post iktar 'l fuq". U jkun ferħ bla tmiem.

Il-Ħadd it-tajjeb!