It-Trinita' Qaddisa

 

 

Mhux faċli tifhem il-Misteru tat-Trinita'. Aħna il-patrijeit fis-7.00 ta' filgħodu nitolbu dak li jgħidulu l-Uffiċċju tal-Qari. Dan huwa magħmul minn 3 salmi u żewġ qari; wieħed mill-Bibbja u l-ieħor minn xi qaddis kbir tal-Knisja. Normalment it-tieni qari ikun meħud mill-kitbiet ta' dawk li aħna nsejjħu il-Missirijiet tal-Knisja li huma prinċipalment il-Qaddisin tal-ewwel sekli tal-Knisja. Ġieli jaqbadni id-daħk meta għodu għodu nisma: "Qari mid-diskorsi ta' Santu Wistin fuq it-Trinita". Ngħiduha kif inhi Santu Wistin hu kittieb u mgħallem li nneħħielu il-Kappell, imma fis-7.00 ta' filgħodu mhux dejjem tkun faċli tifmhu, l-iktar meta jitkellem fuq Misteru hekk kbir bħall ma hija t-Trinita'. Idea! Issa nissuġerixxi li nibdew nitolbuħ wara nofshinar, almenu inkunu iktar f'sensina! 

Niftakar Ruma wkoll darba ġrat xi ħaġa ħelwa ħafna. Wieħed mill-patrijiet tagħna istruwit fit-teoloġija mqaddsa, darba ried jispjega lin-nies kif l-Iben huwa iġġenerat mill-Missier, u kif l-Ispirtu jiġi mill-imħabba ta' bejn il-Missier u l-Iben. Biex tispjega dan kollu it-teoloġija tuża it-terminu 'purċissjoni'. Hekk kif spiċċa il-priedka solenni tiegħu waħda mara anzjana marret fuqu u qaltli: "Padre, meta hi il-purċissjoni u fi xħin"? Tistgħu taħsbu kif baqa' il-patri! 

Dan huwa kollu minnu. It-Trinita' hija misteru u forsi vera ukoll li malli nsemmu t-Trinita’ moħħna bħal donnu jagħmel shutdown. Mill-ewwel xi ħaġa tgħidilna li dan huwa misteru kbir (u vera), u allura ma nistgħux nifmuh. Imma mhux li nifmhu huwa importanti f’dan il-mument imma id-dinamiżmu li hemm f’dak kollu li jiġri fina li nemmnu, u x'relazzjoni għadna aħna ma' Alla wieħed fi tlett Persuni. Bosta drabi ningannaw ruħna billi naħsbu li biex nemmnu jew ngħixu il-misteru irridu l-ewwel nifmhu, pero’ il-loġika trid tkun bil-kontra. L-ewwel il-Misteru trid tgħixu, imbgħad bil-mod tibda tifmhu, u jekk le, tibda almenu tinduna kif dan il-misteru qed ibiddillek ħajtek. 

X’inhu dan id-dinamiżmu li jien nara interessanti ħafna? Ovvjament ħafna minna, fil-mixja spiritwali tagħna nibdew billi insiru nafu lil Ġesu’, il-Missier innifsu xtaq hekk. Fil-fatt l-Ewwel Insara kienu jibdew dejjem billi jħabbru lil Ġesu' li twieled, bata, miet għalina u qam mill-mewt. Din normalment kienet tisejjaħ il-Kerygma. Anke il-magħmudija stess tfakkarna dan. Il-Battisteri (il-post fejn nitgħamdu) tal-ewwel żminijiet tal-Knisja, juru propju din id-difna ma’ Ġesu’ fil-mewt u il-qawmien tiegħu għall-ħajja. Kienu jkunu qishom swimming pool żgħira li min kien jersaq lejn il-magħmudija, li normalment kien ikun adult, kien jinżel minn naħa u jitla' minn naħa l-oħra biex juri li miet ma' Gesu' u miegħu qam għall-ħajja. Kienu jridu jfissru li miet il-bniedem il-qadim, il-bniedem tad-dnub u issa twieled bnidem ġdid, il-bniedem tal-grazzja. Imma ma ninsewx li l-magħmudija kienet, għada u tibqa' ssir fl-Isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. U għaliex dan?

Għax id-doni ma jiqfux ma’ Ġesu’. Ġesu’ jurina wiċċ xi Ħadd – wiċċ il-Missier. Araw naqra x’logħba! Dak li wriena wiċċ Ibnu permezz tal-Inkarnazzjoni (sar bniedem u għamamr fostna), jħalli lill-istess Ibnu li jirrivelna Wiċċu. Il-missjoni ta’ Ġesu’, kif tidher espliċita’ fil-Vanġelu ta’ San Ġwann hija dik li jurina il-Missier, missier li jħobbna u jridilna kull ġid. 

Waqt din il-mixja li tagħraf wiċċ il-Missier fl-Iben ikun hemm riskju li trid tagħmel kollox int, l-impressjoni li tista’ tasal waħdek li tiskopri lil Missier. Bil -mod il-mod tibda tinduna li waħdek ma tasalx. Irid ikun l-Ispirtu, li għadna kif iċċelebrajnieħ il-Ħadd li għadda, li bil-grazzja tiegħu, għajn ta’ħajja jgħinek tasal.

U hekk tiskopri li Alla huwa wieħed – tgħid le għall-kull alla falz f’ħajtek, għax Alla huwa wieħed. La x-xogħol, la l-flus, la l-karozza u l-ebda ħaġa ma tista' tieħu post Alla. Infatti hemm ir-riskju li min għandu ħafna jaħseb li sar xi 'alla', imma jekk Alla huwa wieħed, kull ħaġa li tieħu postu hija 'alla falz', idolu!

F'din il-mixja tiskopri wkoll li Alla huwa relazzjoni, Komunita’, relazzjoni bejn Missier, Iben u Spirtu s-Santu. Alla huwa komunita' ta' mħabba u qed jistiednek tagħmel komunita' ta' mħabba kull ambjent li ssib ruħek fiħ. U allura ma tibqax temmen li l-fidi hija xi ħaġa tiegħek biss, imma hija il-fidi tal-komunita’ u allura hija xi ħaġa li inti mistenni taqsam mal-oħrajn.

Kemm aħna kapaċi naqsmu ma’ xulxin il-fidi tagħna? Kemm aħna kapaċi nkunu nies ta' sliem, li jibnu komunita'???

Il-Ħadd it-tajjeb