It-Twelid tal-Verġni Marija

Għall-Qari inżel 'l isfel

Ma nafx ġiliex ġralkom li tmorru x'imkien, ngħidu aħna xi party u ma tkunu tafu 'l ħadd. Sakemm tidħol fi djalogu ma xi ħadd tħossukom mitlufin, qiskom ħuta barra mill-ilma. U hekk inħossni jien meta naqra xi Vanġelu bħall-dan. Ħafna ismijiet, u ħafna ma nafhomx. Ma nafx intom, imma bosta drabi meta kont nisma' dan il-Vanġelu kont ngħid f'qalbi: "Iva meta ħa jispiċċaw dawn l-ismijiet kollha". 

Mattew jurina min kienu dawk illi b'xi mod ikkontribwew fl-istorja għall-wasla tal-Messija. Għadna lista ta' nies li ġġeneraw biex hekk ikollna dixxendenza sa ma jasal il-Messija. Storja normali ta' missirijiet, nanniet, buż-nanniet li nisslu u tkattru, family tree, sa ma nsibu sorpriża sabiħa. Dan il-Messija għalkemm preċedut minn storja umana, mill-iktar normali, jisboq l-istorja, it-tnissil tiegħu iseħħ bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu. 

Anke jekk it-tnissiel tiegħu iseħħ b'mod li Alla biss fil-kreativita' tiegħu seta' jimmaġina, jibqa' il-fatt li Alla jinżel fl-Istorja tagħna. Storja mill-iktar normali, storja ta' nies li f'ħajjithom għaffġu mhux darba jew tnejn. F'dawn l-ismijiet għadna nies li ħawdu: Ġakobb li seraq il-barka ta' missieru. Għadna lil dak li Alla jgħid li ma sab ħadd tajjeb daqsu, li qalbu tgħaxxqet fih - David. Iva, is-Sultan, li tajjeb kemm tridu imma għaffeġ anke hu waħda mill-kbar, nissel minn mara li ma kienetx tiegħu u qatel lil żewġa. Għadna nies li għamlu il-parti tagħhom f'dan il-pjan tas-salvazzjoni anke jekk bil-mentalita' lhudija ma kellhom l-ebda dritt għax ma kienux lhud, bħall-Rut. F'din il-lista nsibu wkoll isem, li għalkemm ma kienx ta' raġel jew mara kien iġiegħel lil poplu ta' Alla jistħi - l-Eżilju. Iva l-eżilju kien sinjal li l-poplu ma kienx fidil għall-wegħdiet ta' Alla. Huma kienu jifhmu li spiċċaw fl-eżilju għax warrbu il-wegħdiet ta' Alla. 

Minkejja dan kollu, minkejja nies nofs kedda, minkejja storja li ma kienetx preparata tilqa' il-Messija, minkejja l-infedelta', Alla jagħżel li jkun Għimmanu-El, Alla magħna. Il-Messija tagħna ma jippretendix it-tapit l-aħmar quddiemu, meta ġie ma sabx min jilqgħu, minkejja dan jagħżel li jkun magħna, li jimxi magħna.

U int għadek temmen li Alla ma jistax jagħmel xi ħaġa bik, insomma mhux int biss anke jien. Għadna nemmnu li m'aħniex denji ta' Alla. U kif nistgħu nippretendu li nkunu denji tiegħu, jekk aħna bħall Pawlu, rridu nagħmlu t-tajjeb imma nispiċċaw nagħmlu il-ħażin li ma rridux. Għadna nemmnu li Alla ma jistax jagħmel xi ħaġa sabiħa bl-istorja tagħna. Naħsbu li ġaladarba aħna ma nistgħux, Hu ma jistax...imma għall-Alla kollox possibli. Forsi mhux suppervja li naħsbu li Alla ma jistax jaħdem bina ukoll? Hu jista' jagħmilna denji, hu jista' jgħolli il-livell tal-istorja tagħna. Irridu biss nkunu ċkejkna bħall-Marija, li nintelqu f'idejħ għall-kollox u nemmnu li anke fl-istorja tagħna ser jagħmel għeġubijiet. Forsi ma għolliex il-livell tal-ħajja ta' Żakkew, Pietru, il-mara il-midimba, Mattew u ħafna ħafna oħrajn?

Mulej agħmel bina dak li għamilt f'Marija. Għini nintelqu f'idejk bla ebda riservi. Int minn Verġni għamilt omm...għamel l-istess bina...imla' il-vojt tagħna u għamel xi ħaġa sabiħa għall-ġid tagħna u għall-glorja ta' ismek. Ammen.

 

Il-Ħadd t-tajjeb

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea  (5,1-4a)

Dan jgħid il-Mulej: Int, Betlehem ta' Efrata, ċkejkna fost il-familji ta' Ġuda, minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f'Iżrael; hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem, sa minn dejjem ta' dejjem. Għalhekk il-Mulej jitlaqhom sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas; mbagħad il-bqija ta' ħutu jerġgħu lura fost ulied Iżrael. U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu bil-qawwa tal-Mulej, bil-glorja ta' isem il-Mulej, Alla tiegħu. U huma jgħammru fiż-żgur, għax issa tkun kbira setgħetu, sa trufijiet l-art. U dan ikun is-sliem!

Il-Kelma tal-Mulej

 

R/ Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej.

Jien fit-tjieba tiegħek nifraħ Mulej, nittama,

Tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.  

R/ Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej.

Ngħanni lill-Mulej

għall-ġid li għamilli. Ngħidu flimkien

 

It-Tieni Qari:

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani  (8, 28-30)

Ħuti: Aħna nafu li Alla, ma' dawk li jħobbuh, ma' dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu, f'kollox jaħdem id f'id għall-ġid tagħhom. Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta' Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejjħilhom ukoll; lil dawk li sejjħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.

Il-Kelma tal-Mulej

 

Hallelujah

Hienja int Verġni Marija

u  jistħoqqlok kull tifħir;

minnek twieled Kristu, Alla tagħna,

ix-xemx tal-ġustizzja.

Hallelujah

 

Vanġelu

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew  (1,1-17)

Ktieb in-nisel ta' Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham.

Abraham nissel lil Iżakk, Iżakk nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġuda u lil ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, Aram nissel lil Għamminadab, Għamminadab nissel lil Naħson, Naħson nissel lil Salmon, Salmon nissel lil Bogħaż minn Raħab, Bogħaz nissel lil Għobed minn Rut, Għobed nissel lil Ġesse, Ġesse nissel lil David, is-sultan. Salamun nissel lil Robogħam, Robogħam nissel lil Abija, Abija nissel lil Asa. Asa nissel lil Ġosafat, Ġosafat nissel lil Ġoram, Ġoram nissel lil Għużżija, Għużżija nissel lil Ġotam, Ġotam nissel lil Aħaż, Aħaż nissel lil Ħeżekija, Ħeżekija nissel lil Manassi, Manassi nissel lil Amon, Amon nissel lil Ġosija, Ġosija nissel lil Ġekonija u lil ħutu; kien żmien l-eżilju f'Babilonja. Wara l-eżilju f'Babilonja, Ġekonija nissel lil Salatjel, Salatjel nissel lil Żorobabel, Żorobabel nissel lil Abiħud, Abiħud nissel lil Eljakim, Eljakim nissel lil Ażor, Ażor nissel lil Sadok, Sadok nissel lil Akim, Akim nissel lil Eliħud, Eliħud nissel lil Elgħazar, Elgħażar nissel lil Mattan, Mattan nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta' Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejjħulu l-Messija. Mela n-nisel kollu kien, minn Abraham sa David, erbatax-il nisel, minn David sa l-eżilju ta' Babilonja, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta' Babilonja sal-Messija, erbatax-il nisel.

It-tnissil ta' Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma' Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta' l-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: "Ġużeppi, bin David, xejn la tibża' tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu                   s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom."  Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal:  'Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben u jsemmuh Għimmanu-El, li b’ilsienna jfisser ‘Alla magħna.’

 

Il-Kelma tal-Mulej