IV Ħadd matul is-sena - Insomma mhux li morna tajjeb ħafna...!!!

 

Lq 4,  21-30

F’dak iż-żmien Ġesu’ qal lin-nies tas-sinagoga: "Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu." U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: "Dan m'huwiex bin Ġużeppi?" Iżda hu qalilhom: "Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju, 'Tabib, fejjaq lilek innifsek : dak kollu li smajna li ġara f'Kafarnahum agħmlu hawn f'pajjiżek ukoll." U żied jgħidilhom: "Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f'pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f'Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa' tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa' ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta' Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f'Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja." Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh 'il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta' rdum ta' l-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa' sejjer.

 

Insomma bħala l-ewwel priedka mhux li morna tajjeb ħafna! Immaġinaw ftit illum wieħed isir qassis. Tafu intom li f’xi parroċċi jagħmlu ħafna briju meta wieħed isir saċerdot. Ikun hemm il-banda, il-pavaljuni mat-toroq, ċapċip u ferħ. Imma immaġinaw naqra li hekk kif dan jiftaħ ħalqu biex jgħid xi ħaġa, in-nies taqbżilha, taqbdu u tieħdu biex tipprova titfgħu għall-isfel minn xi mkien, jew peress li Malta m’għandniex ħafna irdumijiet, forsi tasal titfgħu il-baħar.

Xi ħaġa analoga ġara lil Ġesu’ fil-Vanġelu tallum. Ġesu’ jagħmel l-ewwel priedka tiegħu. Għall-ewwel donnu kollox jidher sewwa imma fis-siegħa u il-ħin l-atmosfera timbidel, lil dawk tas-sinagoga taqbżilhom u jeħduħ fuq l-irdum biex jitfgħuh għal-isfel.

Kienu bosta l-affarijiet li li setgħu fanstu lin-nies tas-sinagoga ta' Nazaret.

Il-Lhud tas-sinagoga ta’ Nazaret kienu qed jistennew Messija differenti. Stennew Messija qawwi, setgħani li bi driegħ setgħani jeqred lir-Rumani. Ġesu’ juri lilu inniffsu bħala Messija ġwejjed, fqir, li kien jilbes l-istess ilbies tagħhom, li f’saqajħ kellu sandli bħalhom, mingħajr armaturi u xwabel. Differenti immens minn dak li kellhom huma f’moħħom. Tajjeb ninutaw li s-silta li Ġesu’ jaqra mill-profeta Isaija tikkonkludi b’dan il-vers : «Biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej, u jum il-vendetta tiegħu». Ġesu’ jagħżel li l-aħħar biċċa ma jgħidiex. B’dan kien ġa qed iġib bidla fil-mentalita’. Grazzja iva, vendetta le !

Jista’ jkun ukoll li baqgħu dispjaċuti bil-fatt li ma marx għandhom l-ewwel. Nafu li l-ewwel mar Kafarnahum u hemm għamel ħafna mirakli. Kif mar hemm l-ewwel? Kif ma ġiex għadna? Kif hawn m’għamilx mirakli ? It-tentazzjoni tagħhom kienet li jikkapparraw lil Messija. Imma hu jurihom li ħadd m’għandu s-setgħa jikkapparaħ. Ġabilhom l-eżempji ta’ kif fl-Antik Testment, Alla ma jsalvax biss lil Lhud, imma anke lil ‘pagani’. L-armla min Sarefta ta’ Sidon ma kienetx parti mill-poplu ta’ Israel u wisq anqas Nagħman tas-Sirja.

San Mark jgħidilna li f’mument żgħir in-nies tas-Sinagoga għamlu radjografija ta’ dik li kienet il-familja ta’ Ġesu’ : «Dan m’huwiex il-mastrudaxxa Bin Marija u ħu Ġakbu u Ġoze’ u Ġuda u Xmun ? U ħutu l-bniet m’humiex hawn magħna ? U huma skandalizzaw ruħhom ħabba fih». Tajjeb ukoll ! Dan nafuħ tajjeb ! Dan minn tagħna.

Tant kienu jafuħ sewwa li ma setgħux jimmaġinawħ differenti. Qalbhom kienet magħluqa għal ġdid. Le, ma jistax ikun li dan hu il-Messija.

Tassew imħawwda il-biċċa, meta tqis li Luqa, wara l-episodji tat-twelid ta’ Ġesu’, jpoġġi dan l-episodju bħala il-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesu’. Dan x’fettillu ? Kieku kien daqxejn iktar intelliġenti kien ipoġġi xi episodju sabiħ, xi miraklu, xi priedta tajba. Imma le, jippreżentalna l-ewwel priedtka ta’ Ġesu’ bħala l-ewwel falliment. Episodju mimli dispjaċiri mhux biss minn naħa ta’ Ġesu’ imma wkoll minn naħa tal-familjari tiegħu. Immaġinaw Ommu li forsi kienet hemm ukoll.

F’dan il-Vanġelu toħroġ il-liberta’ ta’ Ġesu’. Ġesu’ seta’ kieku ried ibiddel daqxejn il-messaġġ biex ikun jaqbel ma’ dak li n-nies kienet qed tistenna minnu. Imma le. L-għan tiegħu ma kienx li jsir popolari, li jagħmel hit. L-għan tiegħu kien li jixhed għal Verita’. Kien jaf li l-Vanġelu mhux kulħadd lest li jilqgħu. Min ma jridx jista’ jitlaq. Niftakru x’kien ir-raġunament tiegħu meta wieħed mill-Appostli qallu : «Iebes dan il-kliem, min jista’ jifmhu, ara kulħadd qiegħed iħallik». Ġesu’ jwieġeb «Tridux titilqu intom ukoll».

Luqa ried ipoġġi wkoll lil Ġesu’ bħala eżempju għal min irid ixandar il-Vanġelu. Min ixandar lil Ġesu’ ma jistax jippretendi li dejjem ħa jkun fuq wiċċ l-idejn. Ser ikun hemm drabi fejn minflok iċapcpulu lil min ixandar il-Kelma iċapcpuielu. Min ixandar lil Ġesu’ ser ikollu jiltaqa’ ma’ mumenti fejn donnu ħadd ma jifmhu, fejn donnu ħadd ma jrid jemmen li dak li qed jgħid huwa kliem li jagħti il-ħajja. Kultant jista’ jiġri wkoll li min ma jilqax il-Vanġelu, u allura lil min ikun qed ixandru, jkunu l-istess nies tas-sinagoga, tal-knisja, tal-familja, li suppost l-ewwel li jifmhu u jħobbu.

Huwa hawn fejn min ixandar lil Ġesu’ irid juri li mhux baħri tal-bnazzi. Huwa hawn fejn min ixandar lil Ġesu’ ma jbiddilx u ma jgħawwiġ il-messaġġ minħabba il-biżgħa li ma jkunx milqugħ u maħbub. Ħafna kienu dawk li matul l-istorja soffrew għax baqgħu fidili lejn il-messaġġ ta’ Ġesu’. J’Alla aħna wkoll ikollna l-istess kuraġġ u b’ħafna ferħ, bla tagħawwiġ u b’perseveranza inxandru il-Vanġelu.