IV Ħadd tal-Għid - Ħadd ir-Ragħaj it-Tajjeb

 

Agħfas hawn għal-Qari

Naħseb illi ħadd ma jieħu gost jiġi mqabbel ma' nagħġa, forsi għax għadna l-impressjoni li n-nagħaġ huma kemmxejn bla direzzjoni, isegwu biss, mhux ta' b'xejn li meta naraw lil xi ħadd, jew xi grupp ta' nies li jagħmlu dejjem kif jagħmlu l-oħrajn ngħidu li qishom in-nagħaġ ta' Bendu. Imma għall-Bibbja in-nagħġa hija krejatura tassew iffortunata. Il-Bibbja dejjem tqis lil-nagħġa bħala annimal li għandu jiġi mħares. Fil-fatt Alla huwa ħafna drabi imqabbel ma' ragħaj illi jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu.

Fl-Antik Testment, propju fil-ktieb tas-Salmi insibu dak is-Salm famuż (21) "Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi". Hawn jidher ċar kemm in-nagħġa hija iffurtunata li sabet ragħaj daqshekk tajjeb! Fl-istess Antik Testment insibu lil Mulej li jeħodha mal-qassisin ta' dak iż-żmien li ma ħadux ħsieb lin-nagħaġ kif suppost. Imbgħad fil-ġdid Testment Ġesu' jqabbel ukoll lilu innifsu mar-ragħaj. Jgħid li hu dak li joħroġ ifittex in-nagħġa il-mitlufa, li jeħodha fuq spallejħ. Jgħid ukoll li hu r-ragħaj li kapaċi jagħti ħajtu għan-nagħaj tiegħu, mhux bħar-ragħaj mikri li jara il-lupu ġej u jaħrab. Ir-ragħaj it-tajjeb huwa dak li jaf in-nagħaġ waħda waħda b'isimhom, li joħroġhom jirgħu, li jekk jinqala' l-inkwiet lest li jitlef ħajtu biex isalva in-nagħaġ tiegħu. Ir-ragħaj it-tajjeb jħabbel rasu għan-nagħaġ. Il-mikri, jgħid Ġesu, ma jimpurtaħx minn nagħaġ. Jimpurtaħ biss minn ħaġa waħda, li jsalva ġildu!

U proprju għalhekk illum il-Knisja flimkien mal-Ħadd tar-ragħaj it-tajjeb, tiċċelebra Jum it-talb għal vokazzjonijiet. Propju hija titlob biex il-Mulej jibgħat nies, li għax ħassew sejħa, jingħataw kollha kemm huma lilu, u lil poplu ta' Alla. Is-saċerdozju mingħajr poplu jitlef ħafna! Illum il-Knisja qed titlob għal min jisma' leħnu, jimxi warajħ u jagħti ġildu kollu għall-poplu ta' Alla. Illum il-Knisja titlob għal dawk li minkejja li jibqgħu nagħaġ huma mistiedna li jsiru rgħajja. Ragħaj veru jintgħaraf minn kemm kapaċi jingħata lill-oħrjan. Is-saċerdot mhu qatt funjonarju ta' rit. Huwa dak li kapaċi, bil-mod il-mod, isir ewkaristija, isir ħobż biex ħaddieħor jieklu, isir ħajja mogħtija.

Ejjew mela nitolbu illum lill-Mulej jibgħat ragħajja skond qalbu, li bil-ferħ u bla biżgħa jingħataw lilu, f'imħabba totali li tnissel tama, ferħ u ġenna hawn fl-art!