IV Ħadd tar-Randan

Lq 15: 1-2.11-32

Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: "Nies midinba jilqa' għandu dan u jiekol magħhom?" U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:

"Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.  Iż-żgħir qal lil missieru, 'Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.' U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f'ħajja mtajjra. Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa' ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma' wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba' tiegħu jirgħa l-ħnieżer.Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.Mbagħad daħal fih innifsu u qal, 'Kemm lavranti ma' missieri għandhom ħobż bix-xaba', u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, 'Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b'wieħed mil-lavranti tiegħek.'Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.'Missier,' qallu ibnu, 'dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.' Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, 'Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f'sebgħu u s-sandli f'riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab!' U għamlu festa. "Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa' lura, kif wasal qrib id-dar sama' daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x'kien. 'Hawn ħuk,' qallu dak, 'u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa' kisbu qawwi u sħiħ.' Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. 'Ara,' qal lil missieru, 'ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma' ħbiebi! Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!' 'Ibni,' qallu missieru, 'inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek.Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab.'?"

 

Kollox b'xejn!

Kemm hi sabiħa din il-paġna tal-Vanġelu! Għal Ġesu’ dan hu Alla. Matul dan ir-Randan ġejna mistiedna naraw liema huma dawk l-affarijiet li qiegħdin jagħmluna ilsiera, dawk l-affarijiet li qiegħdin iżommuna milli nifirħu fil-Mulej, dawk il-ħwejjeġ li mhux qed iħalluna inħobbu kif kien iħobb Ġesu’, dawk l-affarijiet illi mhux qed iħalluna nsiru u nkunu dak li Alla ħaseb fuqna fil-bidu – li nkunu xbieha tiegħu.

Għal Ġesu’ Alla huwa dak illi jiġġustifikana, li ma jżommx il-kontijiet magħna, illi ma joqgħodx jitlewwem magħna. Huwa dak li bla mistħija jiġi jiġri għal fuqna, jinxteħet fuq għonqna u jbusna. Huwa dak li irid ineħħi minn fuqna it-tajn li ħallewlna il-qżieqez u jlibbisna libsa ġdida. Irid li aħna uliedu nitlibbsu bid-dinjita’ tiegħu: libsa sabiħa, sandli f’riġlejna u ċurkett f’subgħajna. Mhux biss, imma iridna ukoll nieklu l-ikel tiegħu, nifirħu u nagħmlu festa.

Forsi s’issa fittixna ‘l Alla għal dak li jista’ jtina. Kemm il-darba immaġinajna lil Alla bħala vending machine, li nagħtuħ fifty cent u jagħtina dak li irridu. Nixgħelulu xemgħa, ngħidulu talba, ngħixu ħajja tajba, u hu b’rigal tal-bravura tagħna jeħlisna mill-inkwiet. Pero’ kemm jiġrilna li hekk lil Alla ftit insiru nafgħuħ. Nippretenduħ itina, imma mhux iħobbna. U allura imbgħad arana nirrabjaw hekk kif xi ħadd li jagħmel il-ħażin jiġuħ l-affarijiet sewwa u aħna li nagħmlu it-tajjeb jiġina kollox ħazin. Ismagħna ngħidu li kieku Alla jeżisti ma kienx jagħmel hekk, erħilna ngergru li mhux ġust. Nispiċċaw nkunu rridu l-affarijiet ta’ Alla imma mhux lilu. Nimmaġinaw li Alla hu bħal Christmas Father li jġibilna r-rigal u jaħrab. Imma Alla ma jridx itina ir-rigal u jaħrab, Alla jrid jidħol f’relazzjoni magħna. Irid jimxi magħna, irid li nsiru nafuħ, li jkun il-kumpann tal-vjaġġ tal-ħajja tagħna.

Kemm jiġrilna li nkunu irridu nikkuntentaw bil-gidi u mhux bil-Missier. Hekk ġralu miskin l-iben il-kbir, moħħu kien biex ikollu gidi x’jiekol ma’ sħabu, u ma ndunax li fid-dar kellu Missier li jħobbu, u mhux gidi biss kellu imma kollox.

Kemm hu diffiċli kultant tagħraf li l-imħabba ma titkejjilx bir-rigali. L-imħabba hi preżenza. L-imħabba hi meta int ma tistax turi bl-ebda mod li tħobb lil xi ħadd ħlief li teħodlu dak li inti, bniedem midneb, li ħlejt ġidek man-nisa żienja u hu flok jikser ilibbsek ta’ Iben Alla.