L-10 Ħadd matul is-Sena

Ma nafx qatt ġralkom li ħajjitkom tkun għaddejja b’ċertu ritmu u jkollha tieqaf. Ma tkunx waqfa programmata, bħal ngħidu aħna xi vaganza imma jkollha tieqaf għax fil-ħajja jiġri xi ħaġa lilek jew lil xi ħadd għażiż li ma tkunx qed tistenna, bħall-ngħidu aħna tieqaf għax xi ħadd għażiż għalik jidħol l-isptar. Dak il-ħin ikollok tieqaf u l-affarijiet l-oħra kollha jieħdu t-tieni post fil-prijoritajiet tiegħek. Ikollok tieqaf minn dak li tkun qed tagħmel, biex tagħti daqqa t’id. Jekk tkun bniedem li tħobb tipprogramma, u li d-diary tiegħek miżmum tajjeb, b’kull siegħa okkupata, abbli issibha daqxejn diffiċli tagħmel “stop”, imma tifhem ukoll li dak il-ħin l-imħabba ssuqek u tagħraf ukoll x’għandu jieħu l-ewwel post fil-ħajja tiegħek.

 

Ħafna nies fil-ħajja kellhom jieqfu: Mara li tiskopri li żewgha għandu problema u tieqaf mill-karriera biex tkun miegħu. Tfal li jieqfu biex jieħdu ħsieb ommhom u missierhom. Mara li tieqaf għax il-Mulej żejjinha bl-ulied u trid toqgħod magħhom. Missier li jieqaf biex jisma’ ftit x’għandhom x’jgħidulu uliedu.  

 

Il-Bibbja mimlija nies li kellhom jieqfu mill-ordinarju tagħhom u jagħtu prijorita’ lil xi ħaġa oħra. Mose’ jkollu jieqaf minn ragħaj f’art barranija u jmur iseffaq wiċċu mal-Fargħun tal-Eġittu. Mattew jieqaf jaħdem minn ma’ tat-taxxi u jsir appostlu. Indri u Pietru jħallu id-dgħajsa. Marija twaqqaf il-proġetti tagħha ta’ żwieġ normali ma’ Ġużeppi u ssir Omm Alla...kif ukoll issir u tibqa’ sallum tissejjaħ id-Duluri. Tieqaf Marija u tagħżel li tbati ma’ binha.

 

L-istess jagħmel Ġesu’ fil-Vanġelu tallum. Jieqaf quddiem it-tbatija ta’ mara armla li ma kelliex ħlief iben wieħed li jmutilha. Ġesu’ jieqaf, ibati magħha, ifarraġġha, “Tibkix”. Huwa dak li jagħmel Alla quddiem it-tbatija, jieqaf u jibki magħna, ifarraġġna, jagħtina idejħ.

 

Dak li qed jistedinna nagħmlu aħna illum ukoll. Ma nibżgħux nieqfu. Huwa minnu kif ħafna drabi ngħidu li “l-ħajja trid tibqa’ għaddejja”! Imma fl-istess ħin il-ħajja ma tistax tibqa’ għaddejja l-istess meta xi ħadd minn ħutna qed ibati! Il-ħajja tieqaf, biex ma nibqax miexi waħdi imma nibda nimxi mal-batut. Bil-latin hemm terminu sabiħ li jirrifletti dan kollu : ‘Cum – Patire’ li jfisser “Tbati ma’...”

 

Is-sabiħ huwa meta bosta jiddeċiedu li jieqfu u jbatu ma’...Min mhux kapaċi jieqaf quddiem it-tbatija tal-oħrajn jkun qed jafferma li ħajtu hija biss tiegħu u alla ħares min iħarbattlu xi ħaġa minn dak li jkun fassal. Hekk ikun qed iżomm ħajtu għaliħ, ikun qed jipprova jsalva ħajtu, imma fl-istess ħin jitlifha. Ġesu’ illum qed jistiednek tkun dak is-Samaritan it-tajjeb, li quddiem it-tbatija tal-għadu jieqaf u jdewwi. Ġesu’ qed jistiednek illum tinduna bi tbatija ta’ ħuk, ta’ oħtok u tieqaf, tfejjaq u ddewwi.

 

Il-Ħadd it-Tajjeb.