L-20 Ħadd Matul is-Sena

 

Alla kellu ħolma tassew sabiħa fuq id-dinja, li Ġesu’ jsejħilha s-Saltna tas-Smewwiet. Hija ħolma li l-bniedem jinduna li hemm Alla li jħobbu, u għax jinduna b’dan, jaħdem biex id-dinja tkun iktar sabiħa, iktar umana, mimbnija fuq il-ġustizzja u il-paċi. Alla għamel minn kollox biex il-bniedem jinduna b’dan imma donnu kien hemm triq waħda biss biex il-bniedem iqum mir-raqda tiegħu u jinduna li Alla miegħu u mhux kontriħ. It-triq kienet li hu stess jinżel u jgħammar mal-bniedem. Għażel l-aqwa triq, it-triq li l-bniedem jista’ jifhem. Kien hemm mużika waħda li l-bniedem seta’ jisma’ u magħha jisfen – l-Imħabba. U allura Ġesu’ jagħżel li jħobb lil bniedem mingħajr ebda kundizzjoni, anke meta dan kellu jiswielu prezz. Ġesu’ kien espert ta’ dan, kien jaf li l-imħabba mhix paroli, imma fatti. Jibqa’ jħobb anke sa meta ma kienx baqa’ demm fil-vini tiegħu...”Missier aħfrilhom”. Ġesu’ kien jaf li ma kienx hemm mod ieħor biex iwassal dan il-messaġġ ħlief li jmut għal min kien iħobb. Fil-Vanġelu tallum narawh mimli entużjażmu sabiex dan il-proġett ta’ Alla dwar il-bniedem iseħħ u jseħħ mill-iktar fis. Kważi jidwu f’widnejna il-kliem li qal lil Ġuda: “Dak li għandek tagħmel, agħmlu u ddumx”.

Mimli ħeġġa biex jara lil bniedem ferħan, Ġesu’ jitlef rasu u jkun lest jagħmel kollox, kważi ġennata. Dan swielu...l-istess daqs kemm jiswa lilna meta nkunu msejħa nagħżlu inħobbu. Ħafna tul is-sekli għażlu li jħobbu kif iħobb hu. Ħafna għażlu li jitgħammdu bl-istess magħmudija li biha tgħammed hu. Batew, imma ħarġu rebbieħa. Jalla aħna ukoll nibqgħu mfakkra li f’ħajjitna għamilna deċiżjonijiet li jibnu, li jferħħu, li jiżirgħu l-imħabba. “L-imħabba biss toħloq”. 

 

Il-Ħadd it-Tajjeb.