X'ħela!!!

Issa dan mhux ġenn, ara min ikollu mitt nagħġa u għax titiliflu waħda joħroġ ifittixha u mhux talli hekk talli jagħmel ukoll festa meta jsibha. Liema ragħaj joħroġ ifittex nagħġa li tkun intilfitlu. Anke l-iktar ragħaj bilgħaqal u qalbu tajba jaf li fl-aħħar mill-aħħar in-nagħġa wisq probabbli tinbiegħ jew tintuża għall-ikel jew minnha ser jieħu il-ħalib. Dan ir-ragħaj partikulari ħafna. Wara li jaħli l-ħin ifittixha, jaħli wkoll il-flus biex jagħmel festa għax sabha. X’ħela!
 
U anke dik il-mara li tilfet id-drakma. Malli ssibha tonfoq il-flus biex tagħmel festa għax sabitha. Kieku ma sabet xejn ekonomikament kienet tibqa’ l-istess. X’ħela!
 
Il-Missier tal-parabbola ukoll galantom. Mela jagħti nofs gidu lit-tifel ż-żgħir, it-tifel jonfqu kollu, imbgħad imur lura d-dar għax bil-guħ, u il-missier minn fuq, joqtollu l-għoġol l-imsemmen, mhux xi għoġol kwalukwe imma l-imsemmen, u wkoll jordna li jgibulu l-aħjar libsa, u il-qorq f’riglejh, ic-ċurkett f’subgħajh! X’ma jinħaraqx l-iben il-kbir! X’ħela!
 
Hekk kieku jirragunaw wisq probabbli il-kittieba u il-Fariżej. Lil Alla kif jpinġiħ Gesu’ kienu jarawh wisq ħali. Hekk jigri lilna wkoll kull darba li nirranġunaw li Alla m’għandux ikun ħanin mal-midimbin. Hekk nirraġunaw ukoll kull darba nimmaġinaw li aħna tajbin u allura nistgħu niġġudikaw lil min hu ħażin. Imma hekk nirragunaw aħna ukoll kull darba li naħsbu li Alla ma jistax jaħfrilna d-dnubiet tagħna, kull darba li naħsbu li dnubna kbir wisq biex jistħoqqilna il-ħniena ta’ Alla. Ħasra li meta ma nemmnux li Alla għani fil-ħniena, aħna wkoll insiru xħaħ ma'ħutna fil-ħniena. Insiru bħall-iben il-kbir tal-parabbola, xħiħ fil-ħniena.
 
Hekk kif niltaqaw mal-ħniena abbundanti ta’ Alla, aħna wkoll insiru ħalja fil-ħniena mal-oħrajn. Kif ninduna li Alla ħabbni u ta’ ħajtu għalija, anke jien kważi inkun sfurzat mill-grazzja biex inħobb u nagħti ħajti għall-aħwa. Araw San Franġisk, hekk kif għamel esperjenza li Alla jħobbu u ħali miegħu fil-ħniena, sar ukoll hu ħali. L-entużjażmu li juri ħniena mal-oħrajn ġagħlu jabeż fuq il-lebbruż u jbusu u dakinhar fieq. Hekk kif skopra li Alla taħ kollox, u ma kien jonqsu xejn għax Alla kien ħali miegħu fil-ħniena, San Franġisk beda jqassam ġidu u ġid missieru lill-foqra, sal-ħwejjeg ta fuqu tajjar! Fit-Testment tiegħu Franġisku jagħtina prova ta’ dan, meta jghid: “Meta kont għadni fi dnub il-Mulej uża miegħi ħniena”. Eżatt wara jirrakkonta kif kien jaħdem mal-lebbruzi! Lil wiehed patri jiktiblu u jgħidlu li jekk jieħu paċenzja b’ħuħ li jdejjqu jkun jiswielu iktar milli jmur eremit!
 
J’Alla aħna wkoll għax niskopru kemm Alla kien ħali magħna fil-ħniena, nkunu ħalja aħna wkoll u nħobbu kif iħobbna hu!
 
Il-Hadd it-Tajjeb!