L-Epifanija tal-Mulej

Mattew 2, 1-12

Meta twieled Ġesù f'Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: "Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh." Is-sultan Erodi sama' bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u  l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled   il-Messija. U huma qalulu: "F'Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta:

            'U int, Betlehem, art ta' Ġuda,

            le, m'intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta' Ġuda

            għax minnek joħroġ mexxej

            li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.'

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: "Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu." Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b'ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma' ommu Marija, nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Mbagħad, billi kienu mwissijin f'ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

 

 

Jekk nidħlu ftit f’dan ir-rakkont jirnexxielna żgur mhux forsi niskopru xi ħaġa għall-ħajjitna. Spiss issib min jgħidlek : « U kemm ser indumu nisimgħu u naqraw l-istess stejjer , qisna qed naraw dejjem l-istess film » ! Aħna nemmnu li l-Kelma t’Alla hi ħajja u qawwija. Il-Kelma t’Alla, kull darba li naqrawha jew nisimgħuha tiġi mħabbara, tgħidilna xi ħaġa ġdida, u xi ħaġa li ddawwal il-preżent tiegħna, dak li aħna qed ngħixu f’dan il-mument partikolari, illum, issa !

F’dan ir-rakkont li għandna kemm smajna, l-element storiku jitħawwad ma’ dak teoloġiku u simboliku. L-evanġelista ma riedx jgħidilna biss x’ġara madwar elfejn sena ilu, imma min hu Ġesu’ – (ma nafx tafux li il-kelma « epifanija » tfisser wirja. fil-ġrajja tal-Maġi għadna wirja ta’ Ġesu). L-evanġelista jrid ukoll jurina x’mudelli għadna nsegwu u x’atteġġjamenti għandna nieħdu fil-konfront ta’ Ġesu’.

F’dan ir-rakkont insibu tlett tipi ta’ persunaġġi u tlett tipi ta’ atteġjamenti : Insibu lil Maġi, lil Erodi u lil Qassisin, kollha b’atteġġjament differenti. Ħa nibdew l-ewwel b’dawk li għanda nevitaw biex nispiċċaw b’dak illi għadna nsegwu.

Nibdew b’Erodi. Nafu x’tipi ta’ bniedem kien dan Erodi. Biex ma jitlifx il-poter qered it-trabi kollha subien minn sentejn l’isfel. Il-Vanġelu jgħidilna li Erodi ħassu ttrattat mill-Maġi ta’ tifel… u kellhom raġun għax propju ta’ tifel ġab ruħu ! Erodi kien beżżiegħ, beżgħa li dan it-tfajjel ta’ Betlem ser jeħodlu postu. Qas biss kien kapaċi jikkalkula li sakemm dak it-tifel jikber hu kellu jkun ilu taħt it-trab ! Infatti, miet ftit wara ! Malli jisma li twieled Sultan jitħawwad, ġabar il-Kittieba u l-Qassisin il-kbar u tkixxef mingħandhom x’kienet dil-biċċa xogħol ! Erodi jirrapreżenta lil min jitfixkel minħabba Ġesu’, min jaħseb li Ġesu’ jrid jeħodlu xi ħaġa. Iva Ġesu’ lil Erodi ried jeħodlu xi ħaġa : l-eġoiżmu tiegħu ! Erodi jasal iqarraq biex ma jitlifx. Erodi jasal joqtol biex ma jitlifx. Erodi huwa dak il-miskin li jaħseb li ser jieħu kollox miegħu, li l-poter, il-flus u il-fama huma għal dejjem ! Kemm rat nies bħalu l-istorja ! Kemm gwerer u nies maqtula, kemm nies bil-ġuħ, kemm nies imċaħħda mid-dinjita’ tagħhom ħabba xi ħadd bħal Erodi !

Imbgħad għadna it-tieni kategorija : Il-kittieba u l-qassisin il-kbar. Dawn kienu nies tassew intelliġenti. Huma kienu jafuha sewwa il-Bibbja, u lil Erodi weġbuħ tajjeb. Huma kienu jafu fejn kellu jitwieled il-Messija, esperti wkoll biex juri fejnu, biex jibgħatu lill-oħrajn ħa jiltaqaw miegħu, imma huma ma jmorrux. M’hemmx ħafna x’tispjega, la darba ma marrux ma kienux qed jistennewh jiġi, u la ma kienux qed jistennewħ sinjal li ma kienux iħossu il-bżonn li jiġi. Kienu qishom is-signs tat-toroq ; juruk fejn trid tmur imma huma ma jiċċaqalqux pass !

Anke bħal dawn insibu ħafna illum ; u fosthom jista’ jkun hemm jien u int. Nafu kif naslu għand Ġesu’, nafu t-triq imma ma niċċaqalqux. Jista’ jkun għax nibżgħu, jista’ jkun għax il-Vanġelu nħossuħ tqil wisq, jista’ jkun għax inħossuna tant tajbin li m’għadniex bżonn ta’ Messija. Jista’ jkun ukoll li nħossuna tant ħżiena li ma nażżardawx nersqu lejh. Nippreferu noqgħodu komdi kif aħna, bil-ftit, milli nagħtu dak il-ftit lil Alla, li tiegħu kapaċi jtina kollox.

Imbgħad għadna lil Maġi. Ovvjament illum dawn huma l-Imgħallmin tagħna. Dawn il-Maġi ma nsibuhomx jitkellmu, it-triq ma jafuhiex eżatt. Il-Maġi prattikament ma jgħidu xejn imma jgħallmuna ħafna b’dak li jagħmlu. Huma ma qagħdux jittrattjienu, telqu kollox, telqu u mxew f’post fejn ma kienux jafu, qalb nies li għalihom kienu barranin. Kieku qagħdu jikkalkulaw x’kien sejjer jiswiehom dak il-vjaġġ, kienu jibqgħu komdi f’posthom fl-Orjent, iħarsu lejk il-kwiekeb u jispjegaw l-istilel lil ħaddieħor u forsi joħorġu xi kalendarju astroloġiku, jew jaqraw l-oroskopu fuq ir-radio ! Min jaf !

Dawn huma dawk fostna li fil-ħajja kapaċi jiddeċiedu. Huma dawk li l-kalkolu ma jwaqqafhomx, li l-biżgħa ma tipparalizzohmx. Huma dawk li lesti jħallsu prezz imma jafu x’iġifieri tirriskja għal Ġesu’. Jafu x’iġifieri jkollok ix-xorti li tgħid jien iltqajt miegħu u mindu bdejt nagħti kas xi jgħid ħajti imbidlet. Iva imbidlet. Kont nemmen li mhux kapaċi naħfer, u ħfirt. Kont miġnun wara l-flus u l-wirt, qlajt l-inkwiet imma iltqajt ma’ Ġesu’ u ċedejt u erġajt għaqqadt familja. Kont bniedem li ħadd ma’ setgħa jkellimni, sibt lil Ġesu’ u inbdilt. Kont skjav ta’ elf ħaġa illum qed ninħeles.

Iva aħna ilkoll kapaċi nkunu bħal Maġi, kapaċi bħal Maġi wara li naraw u niltaqaw ma’ Ġesu’ immorru lura lejn artna minn triq oħra. Għand Erodi ma nergħux immorru u f’artna ngħidu lil kulħadd x’rajna, xi smajna u x’għamel Alla magħna.

 

Il-Ħadd it-tajjeb!