V Ħadd tal-Għid

 

 

 

 

 

Illum Ġesu'  qed jipproponilna li nħobbu lil xulxin. Qed jgħidilna biex nitgħallmu nibnu komunita'! Li tgħix il-komunita’ mhix xi ħaġa spontanja, għaliha hemm bżonn niġu edukati.

Ċerti atteġjamenti huma essenzjali fil-bini ta' komunita':

Żewġ atteġġjamenti importanti huma dawk tal-umilta' u s-sempliċita'. Fil-Komunita’ ma nistax nippretendi li I konw it all and I know it best! Pietru kultant kellu ħabta jaġixxi hekk. Fil-komunita' nisranija rridu nifhmu li ħadd mhu fuq ħadd, aħna ilkoll dixxipli u Kristu huwa r-ragħaj. Nafu tajjeb li l-awtorita' fil-komunita' nisranija tfisser "servizz"! Atteġjament ieħor importantu huwa l-attenzjoni għal min fil-komunita’ jħossu mhux apprezzat jew imbiegħed. Min jaf Ġuda kif kien iħossu fil-komunita' tal-Appostli? Minn naħa ta' Ġesu' żgur li ma kienx imbiegħed, ħasillu riġlu minkejja li kien jaf li ser jittradiħ, u wkoll ma ċaħdux mill-qsim tal-ħobż fl-aħħar ċena.

Imġieba oħra essenzjali f'komunita' nisranija hija il-Korrezzjoni fraterna. Jien responsabbli mill-Fidi ta’ ħija! Ġesu' lil Pietru fl-aħħar ċena qallu: "Meta tiġi lura għas-sewwa wettaq lil ħutek".

Imbgħad xi ngħidu għat-talb flimkien...kemm nibżgħu naqsmu flimkien dak illi Alla qed jagħmel f’ħajjitna. Kemm ma nfittxux il-ħin biex naqsmu l-esperjenzi tagħna flimkien. Kemm imorru għall-urġenti u ninsew l-essenzjali! Dan jista' jiġri f'kull komunita' nisranija: fil-familja, fil-ħajja reliġjuża, bejn il-qassisin. Kemm aħna kapaċi bosta drabi nitkellmu fuq Ġesu' ma' nies li ma jgħixux magħna, imma ma nitkellmux ma' Ġesu' u dwar Ġesu' ma' dawk li jgħixu magħna kontinwament!

L-imħabba fraterna trid tikkaratterizza il-komunita' nisranija. Aħna msejħa mhux nħobbu lill-oħrajn biss bħalna nfusna, imma nħobbu kif ħabbna Hu li tagħmel differenza kbira....mħabba dejjem u sal-aħħar. Imħabba li tagħti lilha nfisha! Ma ninsewx li l-imħabba għall-għedewwa hi xi ħaġa prettament nisranija. Ġesu' jmur ħafna 'l fuq mir-regola tad-deheb. "Ħobbu l-għedewwa tagħkom" hi xi ħaġa tan-nisrani, skopriha l-Imgħallem tagħna, u talabna li ngħixu aħna wkoll! Meta aħna nħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu, ser jagħrfu mhux li aħna bravi, koerenti, impekkabbli, imma li AĦNA TIEGĦU! Għalhekk il-komunita’ trid timbena fuq il-Kelma t’Alla, biex ikun hu li jikkoreġina, hu li jibnina u mhux il-ħsibijiet ta’ moħħna, anke jekk loġikament perfetti!

Jien wieħed minn dawk li nemmen li l-komunita’ hija li ssalva d-dinja. X’kienet l-ewwel intuwizzjoni li salvat id-dinja 2000 sena ilu? X’kienet dik il-ħaġa li laqtet lill dawk imsejjħa “pagani” jekk mhux il-komunita’? Forsi il-mirakli? Mhux il-komunita’ kienet? Mhux “Ara naqra kemm jinħabbu bejniethom f'isem il-Mulej Ġesu”?