X'Mistħija!

Tinqabad fil-fatt. Ma tistax tiddefendi ruħek. Kollu għal xejn. Provi kemm trid. Ħaqqek il-mewt. U l-istess Alla ma jikkundannakx. U l-istess Alla jbiddlek. Kif tista’ tidneb iżjed meta iltqajt mal-ħniena wiċċ imb’wiċċ?

Min jaf din l-imbierka mara kemm –il darba ħassitha mhux denja ta’ Alla, mhux denja tal-imħabba tiegħu, imma hu jagħmilha denja. Il-kobor ta’ dan Alla hu li meta jiltaqa’ miegħek ibiddlek. Ix-xogħol li timbidel, li tikber, ma jħallihx kollu għalik. Aħna bosta drabi immaġinajna mod ieħor, immaġinajna li biex inkunu denji ta’ Alla l-ewwel irridu nkunu perfetti, bravi f’kollox imbgħad nkunu nisgħtu ngħidu lil Alla: “Ejja id-dar lesta, miknusa, maħsula, ejja Mulej ħa tagħmel festa”. Imma Ġesu’ jurina li kollox bil-kontra. L-ewwel niltaqgħu mal-imħabba tiegħu. L-imħabba tiegħu iġgħelna nintebħu li għadna bżonnu. Hemm ngħidulu “Ikollok ħniena minni għax jiena midneb”. U hemm, għax ċerti mill-imħabba tiegħu nibdew inħalluħ ifejjaqna! Kif nistgħu qatt nersqu lejħ, bi dnub fuq spallejna jekk ma nemmnux li l-imħabba tiegħu tkaxkar id-dnub tagħna, li hu jqatta’ il-kundanna tagħna u jsammarha mas-salib?

Meta nagħrfu li aħna midimbin, li għadna bżonnu nibdew infiequ. Msieken il-Fariżej tal-Vanġelu, li tant kienu jemmnu li huma bravi u ġusti quddiem Alla, li lanqas biss jintebħu li kellhom bżonnu. Kemm tista’ tkun problema tagħna din. Nagħmlu minn kollox biex nitqaddsu mingħajr Alla. Naħsbu li nistgħu nsiru qaddisin mingħajr palata mingħandu. Kien hemm wieħed fil-Vanġelu li kien jaħseb li hu qaddis, il-Fariżew tal-parabbola li jitla’ t-tempju u wara li jagħmel xenata bil-bravuri tiegħu, jinterċedi għal pubblikan li kien wara, mistħi b’ħarstu lejn l-art. Tant kien bravu li jasal jitlob għal konverżjoni tal-pubblikan. Donnu ried jgħid lil Alla: “Sinjur jekk għandek ftit tal-grazzja, taħlihiex fuqi, itfgħha fuq dak id-diżgrazzjat li hemm hemm wara”.

Imma il-ħsibijiet ta’ Alla huma differenti. Il-pubblikan għal Ġesu’ niżel lejn daru iġġustifikat iktar mill-Fariżew, l-istess il-mara tal-Vanġelu tallum. Hi biss kella x-xorti tieqaf ma’ Ġesu’ weħidha, tħares f’għajnejh mimlija ħniena, tisma’ kelmtu kollha tjubija, tmur lura ħielsa. Żgur li fiha seħħew il-kliem ta’ Pawlu li t-tieni qari tallum issemgħana: “Waqt li ninsa lil ta’ warajja kollu, jien nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi: niġri ‘l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesu’”.