VI Ħadd tal-Għid

 

 

 

 

 

"Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża" qed jgħidilna Ġesu'. Ħafna huma dak l-affarijiet li jistgħu jħawwduna, jbeżżgħuna jew jaqtawlna qalbna. Imma Ġesu' qed jgħidilna biex ma nibżgħux, għax ser jibgħatilna lil xi Ħadd li ser jiddefendina, ser jibgħatilna lil xi ħadd li ser ifakkrilna kollox. Bħall-lum gimgħa nkunu qed niċċelebraw it-Tlugħ is-sema tal-Mulej. Nafu tajjeb li għad-dixxipli ta' Ġesu' din kienet prova kbira. Kull meta Ġesu kien iħalli lid-dixxiplui weħidhom kien jibżgħu. Niftakru meta ħallihom weħidhom fid-dgħajsa, darba għax raqad u darba oħra għax kien fuq il-muntanja jitlob. Id-darbtejn beżgħu! Beżgħu ukoll meta Ġesu ġie arrestat. Insomma ma nitkażawx bihom. Kull meta aħna nħossuna weħidna l-istess nagħmlu: kull meta naħsbu li Alla nsiena, li Alla raqad, li ma jimpurtaħx minna. Jista' jiġrilna l-istess meta naħsbu li xi ħadd serqilna, ħbielna lil Ġesu'. Nħossuna mbeżża. Nibdew nibżgħu li xi ħadd ser jagħmlilna il-ħsara. L-appostli anke meta Ġesu' qam mill-mewt reġġgħu spiċċaw fiċ-ċenaklu, maqfula, minħabba li beżgħu li issa ser jispiċċaw huma wkoll ma' xi salib! 

Il-Mulej jaf li mingħarju ma nistgħu nagħmlu xejn, jaf illi malajr ninsew il-mumenti sbieħ miegħu, malajr ninsew il-kliem li jkun qalilna, anke jekk dak il-kliem kien irnexxielu għal ftit ħin iħeġġilna qalbna. Jaf li aħna minn dawk li malajr nilqgħu il-Kelma, imma malajr ukoll nitilfuha jew ninsewha minħabba it-toqol tal-ħajja. Jaf li aħna f'nifs ngħidu li lesti immutu għalih u f'nifs wieħef niċħduh u ngħidu li ma nafhuhx. 

Allura tassew hemm bżonn verament li xi Ħadd jiġi u jfakkarna dak kollu li kien qalina Ġesu', jiġi xi Ħadd li jfakakrna li dak li qal Ġesu' jagħmel sens, jgħolli il-kwalita' tal-ħajja tagħna. 

Iva, hemm bżonn li jiġi xi ħadd li jurina kemm hu sabiħ il-kliem ta' Ġesu: "Ħenjin il-foqra f'qalbhom, ħenjin l-imnikktin, ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, ħenjin il-ġwejdin, ħenjin dawk li jġibu il-paċi, ħenjin aħna meta jgħajruna u jippersegitawna". Hemm bżonn li jiġi xi ħadd u jqawwina għax faċli ħafna li meta naraw l-esiġenzi tal-Vanġelu, meta nħossuna ibbumbardjati minn kull naħa, nintefgħu mad-dinja almenu ma taqlalniex iktar qalbna. Nibdew infittxu dak it-taparsi sliem li d-dinja twiegħed. Iva id-dinja twiegħed u ma żżommx kelmitha. Tgħidlek iva, li ser tkun aktar komdu meta jkollok kollox, imma ma tgħidlekx li normalment issir skjav ta' dak kollu li għandek. Tgħidlek iva li ser tiġġieled għas-sliem, pero' biex tikseb dak is-sliem tagħmel gwerra. Tgħidlek iva li s-sliem jinsab filli tfittex li tkun moqdi f'kollox, li kollox huwa dritt, imma ma tgħidlikx li għandek id-dmir li tagħti ħajtek għal min għandu dritt ukoll li jgħix. 

Allura tassew hemm bżonn l-ISPIRTU ta' Ġesu' biex jagħtina il-veru sliem: dak is-sliem li jgħammar f'min hu ppersegwitat imma ħieni. Dak is-sliem li jgħammar f'min iħoss li ħajtu hija telqa f'idejn Alla u mhux tellieqa biex nkun fulfilled. Is-sliem li jgħammar f'min irrikonċilja ruħu mal-ħajja, anke meta tagħtu fuq wiċċu u mhux xewqa frustranti għas-suċċess. 

Allura tassew EJJA SPIRTU SANTU