III Ħadd tar-Randan

Marret biex tixrob imma spiċċat inħaslet. U ovvjament biex tinħasel kellha bżonn tinża’. Iva neżgħat il-maskri kollha li ma kienux iħalluha tagħraf hi min hi. Għall-ewwel għamlet reżistenza, ma riditx turi hi min hi. Min jaf, forsi beżgħet li tiġi iġġudikata, u allura quddiemu pruvat tinħeba. Kienet imdorrija tinħeba, u ma neskludux il-fatt li kienet tmur timla’ l-ilma f’nofsinhar biex ħadd ma jaraha, biex ħadd ma jgħid fuqha, ħadd ma jiġġudikaha. Inzerta li hu ukoll kellu l-għatx. Kien nofshinar, anke meta sallbuh kien l-istess ħin u anke hemm kellu l-għatx. Kellu l-għatx li jsalva, li jfejjaq, li jaħsel.

Malli jipprova jlaqqagħha mal-verita’ hi tipprova taħrablu u ġġib elf argument biex ma tħalliħx jiltaqa’ magħha kif kienet. L-ewwel taqbad argumenti kulturali, diviżjonijiet ta’ poplu, imma għalxejn. Imbgħad tipprova targumenta b’mod teoloġiku. Issaqsiħ liema kien l-aħjar post fejn wieħed jadura lil Alla. U Hu magħha jkun ċar: “Fl-Ispirtu u il-Verita”. Dik il-verita’ minnha hi kienet qed tipprova taħrab, il-verita’ li għaddiet ħajjitha tfittex l-imħabba u kienet għadha ma sabitiex.

Imma hu jinsisti: “Mur sejjaħ lil żewġek”. Għall-darb’oħra tipprova ddur mal-lewża “M’għandix żewġi”...imma hu jkompli jinsisiti: “Sewwa għedt, m’għandix żewġi. Int iżżewwiġt erbgħa darbiet u dak li għandek mhuwiex tiegħek”. Daqshekk ħabi. “Qed nara li int profeta”. U oħroġ il-għaġeb il-profeta ma jgħajjatx magħha, ma jċanfariex, ma jġgħeliex tistħi. Fl-aħħar sabet lil xi ħadd li qalilha kull ma għamlet, mingħajr ma umiljha. 
U issir appostlu, titlaq tiġri tħabbar u tgħid li iltaqgħet miegħU.

U int? Għadek tibża’ tkun fil-verita’? Għadek tibża’ tiltaqa’ miegħu għax taħseb li ser iġgħelek tistħi? Agħmel int ukoll bħalha, bħall-mara Samaritana. Skopri lilek innifsek kif int, midneb, nieqed mill-verita’ sħiħa dwarek inniffsek, ħalliħ jurik il-verita’, ħalliħ iħobbok, ħalliħ jeħilsek, ħalliħ ifejqek, ħalliħ inaddfek.