Il-Ġimgħa fuq l-Erbgħa tal-Irmied

“Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, imbagħad isumu.” Ġaladarba l-għarus itteħdilna issa hu l-waqt li nsumu. B’liema skop? In-nostalġija tal-“għarus” toħloq vojt f’ħajjitna. Is-sawm, wieħed mill-pilastri tar-Randan, hu l-ħolqien ta’ spazju vojt fil-ġisem tagħna. Dan il-mezz mhu xejn ħlief għajnuna biex inħossu f’ġisimna dak li aħna msejħin nħossu fil-qalb tagħna.  Fit-tradizzjoni biblika, imma mhux biss, is-sawn hu mod kif inġiegħlu lil ġisimna jieħu sehem fil-mixja tagħna spiritwali. Kemm-il darba is-sawm jagħmilna sensibbli għan-nostalġija ta’ Alla, tkun ħaġa naturali nkunu ta’ għajnuna għall-“imjassra” u għal dawk li jinsabu taħt xi “madmad” tal-ħajja. Tista’ ssum għajnejk mill-kuriżità żejda, widnejk min-nuqqas ta’ attenzjoni għal bżonnijiet ta’ min jinsab ħdejk, ilsienek minn kliem fieragħ u bla sens.