Il-Ġimgħa Mqaddsa

 

It-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa: Ġw 12: 1-11

Fra Allister Aquilina OFM Conv

 

Il-Vanġelu tal-lum jistedinna immorru f’Betanja, post qrib Ġerusalemm, u nidħlu ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu fid-dar ta’ ħbiebu Marta, Marija u ħuhom Lazzru – dak li kien qajjem mill-mewt – biex nosservaw dak li qed jiġri. Jonqos sitt ijiem biex jisbaħ is-seba’ jum, dak il-jum tal-ħolqien ġdid. L-arja diġa’ tinħass tqila, fgata. Il-mewt dalwaqt tasal, it-traditur għandu l-pjan lest. Ninnutaw konfużjoni ta’ sentimenti. Qalb din il-konfużjoni, il-ġest ta’ Marija. B’libbra fwieħa ta’ nard pur, tiswa ħafna, tidlek riġlejn Ġesù. Bħal donnhom li l-ġest ta’ Marija u r-riħa tfuħ li biha id-dar imtliet, iridu jgħinu lill-Mulej Ġesù ifiehem lilu nnifsu u lil dawk ta’ madwaru dak li kien ser jiġri. Dan il-ġest u din ir-riħa jridu jistednuk tapprezza s-sbuħija tal-għotja li ser jagħmel Ġesù fuq is-salib.

 

 

It-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa: Ġw 13: 21-33.36-38

Fra Allister Aquilina OFM Conv

 

L-Evanġelista Ġwanni ma jsib ebda mod aħjar biex jiddeskrivi l-piż tad-deċiżjoni ta’ Ġuda ħlief billi jgħidilna li “kien billejl”. Ninsabu fiċ-ċenaklu waqt l-aħħar ikla li Ġesù għamel ma’ ħbiebu. Ftit tal-ħin ilu l-“Qaddej” għadu kif servihom billi ħaslilhom riġlejhom. F’dan il-lejl hekk mudlam bit-tradiment, id-“Dawl” xorta jibqa’ jiddi u l-fidwa xorta tibqa’ tiġi mogħtija. Il-Qaddej Innoċenti ikompli jaqdi b’dik l-istess imħabba li biha “ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja” billi jkun Mgħallem għal kull wieħed minnhom. Il-“loqma ħobż” mogħtija lil Ġuda – dan il-ġest kien riservat għall-mistieden speċjali – hi sinjal ta’ imħabba tal-Ħabib li qatt ma jasal jiċħad lil ħabibu li ser jittradieh. Il-Qaddej Sofferenti ma joħloqx diffikultà lil-libertà tal-bniedem tant li jiddardarx jgħix dan il-mument f’post magħluq “fid-dlam” imma bla ma jħalli tiġi nieqsa “id-dija tad-Dawl”.

 

 

L-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa: Mt 26: 14-25

Fra Allister Aquilina OFM Conv

 

“Tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini.” Il-Mulej hu konxju ta’ x’ser jiġri minnu, tant li jibgħat lid-dixxipli jgħidu lit-tali li “is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi”. Kulħadd jipprepara għall-istess festa tal-Għid, imma kulħadd b’mod differenti: it-“tali”, li ma nafux x’jismu, jislef daru lill-Mulej, filwaqt li d-dixxiplu jbiegħ Ġesù lis-saċerdoti għal “tletin biċċa tal-fidda”. Prezz li bih kont tixtri skjav. Prezz li bih tiġi mogħtija l-fidwa! Illum Ġesù qed jistiednek biex jekk trid tkun dak it-“tali” li tilqgħu għandek biex jiċċelebra miegħek “l-ikla tal-Għid”. Ser tħallieh jgħaddi viċin il-qalb tiegħek?

 

Ħamis ix-Xirka: Ġw 13, 1-15

P. Colin Sammut OFM Conv

 

Qabel nitlaq rrid juri lill-għeżież tiegħi kemm inħobbhom. Ġbarthom madwar mejda, biex flimkien inbierku lill-Alla tal-ġid kollhu li għamel magħna. Biex flimkien naqsmu l-ħobża u nixorbu l-Kalċi. Ħobż u inbid li għal dejjem ħallejthom b tifkira tiegħi, għalik biex tiftakar li minn dejjem int kont fi ħsiebi. Affarijiet mill-iċekken iżda mill-ikbar hekk kif permezz tal-presbiteru jinbidlu f’ġismi u f’demmi. Ħobż u inbid mibdulin bħal ma jinbidlu l-ferħ u n-niket f’esperjenza tas-sema hekk kif int tiftakar fija. Meta jien tbaxxejt u ħsilt riġlejn l-għeżież tiegħi għamilt dan biex nurihom tassew minn hu Alla. Il-Missier rrid li jien niċċeken biex inti tikber. U hekk għamilt libbistek il-mantar, li permezz tiegħu jistħoqlok tissejjaħ iben ta’ Alla l-Għoli. Ħabbejtek sa mill-ewwel. Waqt li kont naħsel riġlejn Ġuda rajt lilek quddiemi, rajtek għajjien, imħasseb, waħdek, aljenat ma tafx ser taqbad tagħmel ... Tħassartek. Ħallejtek titradini, għax kont naf li hekk biss stajt nerġa nirbħek. Ejja lura, naħfirlek, erġa ejja poġġi bilqeda mal-mejda tal-Aħwa. 

 

Ġimgħa il-Kbira: Rakkont tal-passjoni tal-Mulej

P. Colin Sammut OFM Conv

 

Waqa’ d-dlam, intemm id-dawl. Kollox deher mitmum. Waqa’ d-dwejjaq fuq dawk li emmnu fija bis-sħiħ. Anke huma qallu kollox mitmum. U anke inti, min jaf kemm il-darba lissint dawn iż-żewġt kelmiet...kollox mitmum, kollox spiċċa, ma baqa’ xejn... kemm hija esperjenza stramba u bla sens li wieħed jassal għal dan. Din hija biss esperjenza komuni tal-bnedmin kollha. Jiġri hekk meta, persuna jkollha ħafna proġetti u ħolm mill-isbaħ. Iżda jkun skont il-ħsieb u l-idejat tal-bniedem biss u mhux skond ir-rieda tal-Missier. Jiġri hekk meta kollox jiġġarraf u ma tibqax imqar ġebla fuq oħra. Jintemm kollox veru, iżda dak kollu li hu tal-bniedem u mhux ta’ Alla. Jintemm dak kollu li jinsab fil-wiċċ tar-realta’. Jintemm biex jagħmel wisgħa għal dak li hu ta’ Alla, għal veru, il-profond. Jintemm dak kollu li huwa tiegħek biex bħaċ-ċenturjun, tistqarr il-fidi vera tiegħek. Biex tagħraf li Jien, Bin Alla l-Ħajja, li hu l-Ġust, ġejt nagħmel Ġustizzja miegħek. Ġustizzja mhux ta’ kundanna imma ta’ imħabba. Ġustizzja li jien xtrajt b’demmi, meta miet biex inti tgħix.      

 

Sibt il-Għid

P. Colin Sammut OFM Conv    

 

Kemm ilek imsakkar wara bibien magħluqa? Meta kien l-aħħar li smajt il-kliem “is-Sliem għalik”. Issa wassal dan iż-żmien tant mixtieq, li dawn il-bibien jinfetħu darba għal dejjem u int toħroġ rebbieħ fuq id-diffikultajiet ta’ ħajtek. Il-mewt fuqi ma rebħitx u qatt ma setgħet tirbaħ, għaliex il-mewt hija telliefa sa mil-bidu. L-istess hija l-biża u dak kollu li huwa skur u ikrah. Kemm nixtieq li llum int taċċetta l-Ispirtu s-Santu, kemm nixtieq li llum inti tinħeles mix-xkiel kollu tiegħek u tibda ħajja ġdida flimkien miegħi, fil-paċi u l-hena li Jien biss nista’ nagħtik. Ħajja imsejsa fuq il-maħfra li jien irrid nagħtik u nixtieq li inti tagħtiha lil ħaddieħor: lil min umiljak, lil min ċaħdek, lil min ħallsek bil-ħsara għat-tajjeb li għamilt. Tieqaf qatt temmen li diġà minn din id-dinja inti msejjaħ tassew biex tgħix fis-sliem u fl-istess waqt mibgħut biex twassal dan id-dawl lil min hu fid-dlam. Din hija r-rebħa tiegħi fuq il-mewt, li fil-qlub tal-popli kollha issaltnu il-hena u s-sliem.

Jekk illum smajt leħen il-Mulej, la Twebbisx qalbek!