Il-Ġimgħa wara l-I Ħadd tar-Randan

Is-safa, filwaqt li tersaq lejn l-artal tal-Mulej, tfisser ukoll li tersaq lejh mingħajr l-ebda mibgħeda f'qalbek. Kemm drabi insejniha din! Il-Mulej ipoġġi wieħed mill-kriterji li jagħmluna denji li nersqu lejn l-artal tiegħu propju l-imħabba tal-aħwa; anzi parti mill-ewwel u l-aqwa kmandament. Allura, tajjeb li meta nagħmlu eżami tal-kuxjenza dwar kif aħna quddiem Alla, ma nieqfux biss fuq kemm aħna safjin fis-sens ristrett tal-kelma, imma anke kemm aħna safjin f'dak li għandu x'jaqsam mal-imħabba tal-aħwa. Abbli nista' nsaqsi: 

* Hemm mibgħeda f’qalbi lejn xi ħadd partikular?  * Nxewwex?  * Nqassas? * Għandi kliem ta’rispett lejn il-membri tal-familja tiegħi? * Nġelled minħabba l-kburija tiegħi? * Kapaċi nitlef argument u nirbaħ persuna? * Għamilt ħsara minħabba sentimenti ta’ għira?

Jekk iva: “Mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek”!

Din ukoll hi safa!

Proponiment: Illum nitlob għal xi ħadd li dan l-aħħar ħadt pjaċir ngħid fuqu, filwaqt li nitlob maħfra. 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: “La toqtolx”. Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: “Ġifa”, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: “Iblah”, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.

Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek. Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet!”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu