Il-Ħamis wara l-I Ħadd tar-Randan

Il-pilastri tal-ħajja nisranija li niffukaw fuqhom b’mod speċjali fi żmien ir-randan huma: it-talb, is-sawm u l-karità. Għat-tieni darba matul din il-ġimgħa, Ġesù qed ikellimna dwar it-talb. It-talb, jgħidilna, huwa djalogu ta’ fiduċja bejn l-ulied u l-missier tajjeb li jagħti lil uliedu dak li jeħtieġu u dak li hu ta’ ġid għalihom. L-imħabba li juru l-missirijiet tal-art hija konferma tal-imħabba ferm akbar li għandu lejna l-Missier tas-sema.

Ir-rabta ma’ Alla fit-talb twassalna għall-imħabba ta’ ħutna. Tabilħaqq, l-imħabba li nagħtu lill-oħrajn hija r-rifless ta’ dik li rċevejna aħna mingħand Alla u mingħand dawk li ħabbewna f’ismu.