Il-Ġimgħa wara t-tielet Ħadd tar-Randan

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: “Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha”. U t-tieni hu dan: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.

Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.

Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Minn żmien għal żmien fis-supermakets issib avviżi li jgħidu: “Pay 1, take 2”.  Din mhix xi skoperta ġdida. Ġesù wkoll kien jippromovi dan il-metodu. Ir-raġel tal-Vanġelju llum jistaqsi lil Ġesù liema fost il-kmandamenti huwa l-ewwel wieħed. Ġesù flok wieħed jagħtih tnejn. L-ewwel hu li tħobb lill-Mulej  b’qalbek, b’ruħek, b’moħħkom u bil-qawwa tiegħek kollha. It-tieni jixbħu: ħobb lil għajrek bħalek innifsek.

Kull min għażel li jimxi wara Ġesù ma jistax jgħix tal-ewwel mingħajr it-tieni. Ma jistax iħobb lil Alla u ma jħobbx lil proxxmu.  L-Appostlu Ġwanni ma joqgħodx idur mal-lewża, għid ċar u tond: “Jekk xi ħadd igħid: inħobb ‘l Alla u ma jħobbx lil ħuh, dan huwa giddieb!” (1Ġw 4:20).

Bil-ħajja tiegħu San Franġisk jixhed tassew kemm li tħobb lil Alla u li tħobb lil ħuk ma jistgħux jgħaddu mingħajr xulxin, ma jistgħux jinfirdu. Meta naqbdu din it-triq, kif jgħid il-Vanġelju, aħna wkoll ma nkunx ‘il bogħod mis-Saltna ta’ Alla.

Meta l-Mulej isejħilna biex nimxu warajħ jagħtina l-grazzji kollħa li għandna bżonn biex inwettqu dak li jkun irid minna.