Il-Ħamis tat-Tielet ġimgħa tar-Randan

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”. Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema.

Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa’ dar fuq oħra. Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla. Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu. Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Meta għazilt li nwieġeb għas-sejħa u bdejt miexi ma’ Ġesù aktar mill-qrib, sibt ruħi f’taqbida max-Xitan. Ix-xitan aktar beda jdur miegħi u jittantani. Kien jagħmel ħiltu biex iġarrabni,  biex jisraqli l-paci ta’ qalbi, jnissel fija dubbji u jipprova jikkonvinċini li s-sejħa ma kienetx ġejja minn Alla, iżda minn moħħi, beda jipprova jaqla’ l-ħama tal-passat biex jaqtali qalbi u ma jħallinix inwettaq dak li jrid Alla minni.  Huwa l-istil tiegħu. Aktar milli “m’għandux ħalib”, ix-Xitan “m’għandux Verità”, għax huwa giddieb, anzi, missier il-gideb (Ġw 8;44). Xogħolu hu li jisraq, joqtol, jeqred, iqarraq ..u qiesu ljun jgħajjat, idur u jfittex ‘il minn jibla’. Jeħtieg nifqulu, sħaħ fil-fidi. 

Fil-Vanġelu llum Ġesù jidher f’taqbida max-Xitan. Ġesù ġie biex iġib fix-xejn l-opra tax-Xitan u biex lili jagħtini sehem f’din ir-rabħa. Iva, nista’ ngħid, Ġesù jrid jwettaqni “bis-saħħa tas-Saba ta’ Alla” u jagħmel minni, “bniedem qawwi u armat tajjeb”, ħalli nkun nista’ ngħasses il-ħajja tiegħi u nkun fiż-żgur. 

L-armatura sħiħa biex niġġieldu l-battalja kontra x-Xitan tikkonsisti: fit-talb, fl-Ewkaristija, fis-Sagrament tal-Qrar, il-protezzjoni ta’ Ommna Marija... u fuq kollox it-tarka u x-xabla tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ispirtu s-Santu.