Is-Sibt fuq l-Erbgħa tal-Irmied

Ġesu’ fil-qari tallum jagħmlilna invit, lilna u lil kuħadd: EJJA WARAJJA!

Levi iħalli kollox u jmur wara Ġesu’. Dan mhuwiex xi att ta’ ċaħda fih innifsu. Imma huwa ġest ta’ xi ħadd li skopra it-teżor veru fil-għalqa ta’ ħajtu. Lil Ġesu’ narawh jiekol ma’ Levi u sħabu. Alla tagħna joqgħod fuq il-mejda u jiekol magħna u hekk insiru familja waħda miegħu. U naraw lil Ġesu’ jistieden għall-ikla speċjali tiegħu lil dawk li huma imwarrbin minn kulħadd u l-midinba. L-ikla tiegħu mhijiex merfugħa għal dawk li jħossuhom “qaddisin”. Infatti fil-vanġelu naraw li min iħossu tajjeb wisq u allura joqgħod igerger u jitkaża bl-oħrajn u jispiċċa biex jirrifjuta li  jieħu sehem fl-ikla ma’ Ġesu’.

Imma Ġesu’ lill-midinba jistieden għall-ikel miegħu biex bl-imħabba tiegħu jfejqilhom il-ġrieħi tagħhom. Din kienet il-missjoni tiegħu – li jsalva lil midinbin, bħat-tabib li jrid ifejjaq lill-morda.

L-inkwiet tagħna huwa xi kultant bħal tal-Fariżej, ma nifhmux li s-salvazzjoni hija don b’xejn tal-imħabba ta’ Alla u mhux mertu tagħna. Ejjew inħalluh iħobbna, għax imħabbtu tfejjaq il-ġrieħi tagħna.