Is-Sibt wara t-Tieni Ħadd tar-Randan

L-iżjed parabola li nkiteb fuqha u ġiet ippreżentatha fl-arti hija l-parabola tal-Iben il-Ħali. Iżda minflok dan it-titlu jaqbel iżjed li nsejħulha il-Parabola tal-Missier ħanin. F’din il-parabola naraw liż-żewġ ulied u lil Missierhom. Xi ftit jew wisq darba jew oħra nsibu ruħna fiż-żarbun ta’ dawn iż-żewġt ulied. Nixbħuhom! Iżda ejjew nħarsu iżjed mill-viċin lejn l-atteġament ta’ dan il-Missier ħanin fil-parabola għax iżjed għandna x’nitgħallmu minnu! X’jagħmel? Huwa missier li jħares kuljum ‘il barra ħa jara jilmaħx lill-ibnu ġej lura. Huwa missier li ma jitlobx lura dak li kien ta lil ibnu u hu berbaqulu, ma jakkużax, iżda jgħannaq, jerġa’ jagħti d-dinjita’, u li jagħmel festa. Huwa missier kważi inġust, esaġerat, li jħobb lil ibnu li kien jixtiequ mejjet, huwa missier li fl-aħħar mill-aħħar jaf li dan ibnu għadu mhuwiex imfejjaq 100% minn ġewwa iżda xorta jagħmel festa. Imbagħad joħroġ barra jitolob lil ibnu l-ieħor jidħol ġewwa, u jipprova jispjega r-raġunijiet tajba tiegħu li ma kellux għalfejn!

Dan hu Alla: jirrispetta l-liberta’ tagħna, mimli sabar fil-konfronti tagħna, li jgħannaqna miegħu, u jindikalna triq dejjem aħjar. Huwa esaġerat f’imħabbtu! Trid jew ma tridx dan huwa Alla tagħna li uriena Ġesu’ Kristu u li lilu għandna nixbħu!

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”. U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:

“Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: “Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid”. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

Imbagħad daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek”. Qam, u telaq għal għand missieru.

Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. Qallu ibnu: “Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek”. Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: “Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!”. U għamlu festa.

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Qallu dak: “Hawn ħuk, u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ”. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. “Ara”, qal lil missieru: “ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!”. Qallu missieru: “Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu