It-Tħabbira tal-Mulej

“Ħwejjeġ kbar għamel magħha dak li Hu setgħani”

Kbar? X’inhuma dal-ħwejjeġ kbar? Eh...forsi kien żmien ieħor! Għax ngħiduha kif inhi, ma bnietx xi villa kbira, sabiħa u lussuża. Ma kelliex flus bir-radam. Ma kelliex xi istituzzjoni li tissejjaħ għaliha, m’għamlitx isem fi żmienha. Ma kellha l-ebda dottorat u m’għafġitx lil ta’ madwarha biex tidher hi. Qatt ma dehret fuq it-televixin, u naħseb la kellha facebook u lanqas kull ħaġa li ħarġet warajh.

Alla għażilha biex tgħix ħajja "ordinarja"; mimlija ferħat, weġgħat u nkwiet. F’ħajjitha kellha wkoll traġedja; qatlulha lil binha. Imma xorta tgħid li: “Ħwejjeġ kbar għamel miegħi dak li Hu setgħani”.

U forsi jien u int mhux ilkoll msejjħa nibdew nagħtu valur lil dak li huwa “ordinarju”.

·      Forsi tbissima lil mara, jew lir-raġel u lit-tfal mhux aħjar milli siegħa iktar l-uffiċċju bla bżonn?

·      Forsi dawra mal-isptar nara lil xi ħadd marid mhux aħjar milli Euro iktar profitt?

·      Forsi li nagħmel xi ħaġa ta’ ġid bil-moħbi mhux milli mmur nippoża biex kulħadd isir jaf kemm jien tajjeb?

·      Forsi li nagħti siegħa iktar lin-nies mhux aħjar minn proġetti kbar li la huma ta’ Alla u lanqas aħna ma nifilħu għalihom?

·      Forsi kelma ħelwa mhux aħjar milli nirremetti xebgħa kliem mimli mibgħieda?

·      Forsi ix-xandir tal-Vanġelu mhux qabel l-istrutturi li jaqtawlna nifisna u lanqas biss iħalluna nkunu xhieda tas-sempliċita’?

Meta ninduna li Alla, bħal Marija sejjaħli għall-“Ordinarju” nieqaf nibla’ l-ġideb li biex niswa’ hemm bżonn li jkolli kollox, nidher kullimkien u jċċappli kulħadd. Meta ninduna li msejjaħ għall-“Ordinarju”, dak il-ħin insir “Straordinarju”, għax Alla jsir bniedem fija u jgħammar fina u magħna. U dak il-ħin li ninduna li għax ordinarju; jien straordinarju nitlaq nħaffef lejn l-għoljiet...biex nservi! 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti sa tnissel fi ħdanek u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.