It-Tlieta wara t-Tieni Ħadd tar-Randan

Ngħiduha kif inhi, ma niddejqux jekk joqgħodu jammirawna u jarawna fl-ewwel postijiet u jsejħulna b'xi titlu ta' ġieħ. Imma l-loġika ta' Ġesù hija bil-kontra. Hu li kien Alla deher fostna bħala bniedem u ċekken lilu nnifsu u obda sal-mewt tas-salib. Dak li jiswa' fil-ħajja tagħna mhumiex il-ħafna titli u filatteri li xi minndaqqiet timtela' ħajjitna bihom, iżda aħna msejħin biex nitbattlu sabiex nimtlew b'Alla. L-umiltà vera hija meta nintebaħ li jien niddependi minn Alla. Kristu qed isejħilna biex ma nkunux ta' toqol għal xulxin, iżda qaddejja li jaqdu lil xulxin fl-imħabba. 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kulma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom. Kulma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom “Rabbi”. Imma intom tħallux min isejħilkom “Rabbi”, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd “missierkom” fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejħilkom “mexxejja”, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu