It-Tnejn wara l-I Ħadd tar-Randan

Issakkrunix fil-knejjes!

Hekk nistħajjel lil Ġesù jgħidilna llum. Minn jaf kemm-il darba nitolbu u mmorru l-knisja għax naħsbu li hekk il-Mulej sa jiggustana jew għaliex nippretendu li talli nobdu l-kmandamenti sa jħallasna bil-ġenna. Ftit naħsbu li l-ġenna fiha karatteristika waħda biss: dawk li jgħammru fiha jkunu jħobbu f’Alla u bħal Alla.

Illum Ġesù, huwa u jirrakonta din ix-xena, qiegħed ifakkarna li biex inħobbu lilu għandna nħobbu lil dawk li hu stess iħobb b’imħabba speċjali; dawk kollha li għad-dinja ma jiswew xejn jew li jiswew biss inkwiet, għalih huma teżor prezzjuż. Min hu ta’ Ġesù iħobbhom bis-serjetà bħalu.