It-Tnejn wara t-Tieni Ħadd tar-Randan

Kemm hu esiġenti dan Ġesù! Mhux biżejjed li tħobb imma li tħobb lil għedewwa tiegħek u dan urieh hu stess meta kien qiegħed jiġi msallab. Din l-imħabba daqshekk għolja, li kull wieħed minna huwa msejjaħ li jħobb biha, tieħu l-ħajja fina  billi ma niġġudikawx u ma nikkundanawx u billi naħfru. F'kelma waħda, il-grazzja ta' Alla tagħmilna nies ġenerużi, akkoljenti u ta' maħfra. Għalhekk, in-nisrani huwa msejjaħ biex iħobb b'mod diżinteressat u ġeneruż. Bħalma nkunu nixtiequ li nkunu maħfura, mifhuma u maħbuba, aħna msejjħin biex naħfru, nifmhu u nħobbu. Mhux dejjem faċli hux vera? Mulej, illum agħtini l-grazzja li nitlob għal min ġieli iġġudikajt bi ħsiebi jew bi kliemi. 
 
U bilħaqq meta jkollok tentazzjoni li tiġġudika ftakar li m'intiex Alla! 
 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra. Agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu