IV Ġimgħa tar-Randan

 

 

It-Tnejn, 31 ta’ Marzu – Fra Etienne Gilson

 Ġw 4, 43-54

Kemm għandna qalbna iebsa biex nemmnu lil Ġesù fil-kelma tiegħu; irridu bilfors naraw u mmissu b’idejna dak li Ġesù jista’ jofrilna. Kemm –il darba f’ħajjitna aħna konna dawk in-nies li warrabna l-kelma ta’ Ġesù għax mingħalina li aħna nafuh biżżejjed u allura naħsbu li għalina jista’ jkun ta’ tfixkil? Imma għeżież aħna irridu nkun bħal dak il-funzjonarju li għamel dik it-triq kollha biex jiltaqa’ ma Ġesù u emmen fil-kelma tiegħu bla ma l-ewwel ried li jkun ċert jekk dak li qallu Ġesù kienx se jseħħ jew le. Kemm aħna lesti li nafdaw lil Ġesù fuq il-kelma tiegħu: “Mur ibnek ikun imfejjaq”.

 

It-Tlieta, 1 t’ April - Fra Etienne Gilson

 Ġw 5, 1-16

Qum u imxi... kemm il-darba għandi nqum u nimxi, Mulej... jien bniedem midneb ma nafx mod ieħor? Immur inqerr u l-qassis jitlobni nindem minn dnubieti u hu jgħidli dnubietek maħfura imma jien nerġa’ naqgħa fl-istess żball. Mulej nitolbok tgħini nersaq lejn dak l-ilma ħaj li huwa int biex jien nkun nistgħa nibqa’ dejjem nadif u safi fir-ruħ tiegħi. Tħallinix ningħalaq fl-iskemi tiegħi li ħafna drabi jistgħu jkunu għalija ħabs tax-xewqat sbieħ imma nersaq iktar lejk u nitnaddaf minn dnubieti.

 

L-Erbgħa, 2 t’ April - Fra Etienne Gilson

Gw 5, 17-30

X’kont nagħmel kieku smajt lil dan il-bniedem li jsejjħulu Ġesù jitkellem hu jgħid li Alla huwa missieru! Żgur li kont ngħaddih biż-żmien kont ma nagħtix kasu u ngħid li dan qiegħed jiġennen. Kos taf li anke issa qiegħed nagħmel l-istess ħafna drabi lanqas ninduna li jien wara li ilni nisma’ ħafna fuq Ġesù tgħallimt siegħat twal waqt il-katekiżmu u kull darba li kelli ċans nisma’ xi ħaġa fuq dan il-bniedem u xorta għadni niddubita u ngħid imma lil dan Ġesù ma nistax nifhmu, għadni ma fimtux, għadni ma nafx verament minnhu!

 

Il-Ħamis, 3 t’ April - Fra Etienne Gilson

Ġw 5, 35-47

Kultant inpaċpċu ħafna imma ftit nagħmlu fatti! Nkunu fil-knisja jew f’postijiet fejn niltaqaw bħala komunita u ngħidu jien irrid inkun xhud ta’ dan Alla li salvani. X’jiġri noħroġ minn dak l-ambjent fejn inkun nħossni tajjeb u li nista’ ngħid li jien ta’ Ġesù faċilment u nispiċċa ma nkun xhud xejn. Ġesù fil-vanġelu tallum qalilna li dak li qal hu għandna nkunu nafuh fuq ponot subgħajna għax dan suppost irridu ngħixuh. Jekk verament aħna rridu nkunu xhieda ta’ dan Ġesù ejjew inkunu nies ta’ sinsla u dak li ngħidu nagħmluh ukoll u ma nogħqodux inpaċpċu ħafna għalxejn, ħalli l-merti li għandna nieħdu neħduwhom minn għand Alla u mhux minn għand il-bnedmin.

 

Is-Sibt, 5 ta’ April – P. Mario Sant

Ġw 7, 40-53

Fil-Vanġelu tallum Ġesu’ jidher imwarrab minn kulħadd minbarra mill-appostli. Ġesu’ iħalli l-Galilija u jibda miexi lejn Ġerusalemm. Jaf tajjeb li kull kelma li jgħid tista’ tiswieh ħajtu. Ġesu’ sar wisq ta’ skumdita’ għal xi persuni għolja fis-soċjeta’ li dawn kienu jifhmuha li jekk Ġesu’ kien ta’ periklu għas-soċjeta’ kien ikun aħjar li jagħtuh il-mewt. U meta l-kapijiet tal-poplu bagħtu lis-sultdati biex jarrestawh, anke huma ġew mirbuħa minn kliem Ġesu’: “Ħadd qatt ma tkellem bħalu.” Ħadd ma jitkellem bħalu: jgħallem lil kulħadd biex iħobb lil għadu tiegħu mingħajr kejl. Hija vuċi li qatt qabel ma nstemgħet bħalha: jgħallem li l-veru ħienja huma l-foqra, dawk li jġibu l-paċi! Jirtu l-art dawk ta’ qalbhom ħelwa u mhux is-suppervi. U Ġesu’ ma jippreżentax ruħu bħala xi eroj li l-eżempju tiegħu ma nistgħux nilħqu.

Ġesu’ huwa l-bniedem mimli imħabba mingħajr limitu. Għalhekk qatluh. Iżda reġa’ qam u kelmtu hija ħajja u għadha twettaq meravilji kull darba li l-Vanġelu jiġi imħabbar. U anke fid-dinja tagħna dan għadu jġib mibgħeda u rabbja mid-dinja. Il-Vanġelu jiġi miċħud mill-bniedem għax jikxef f’kull wieħed minna l-egoċentriżmu radikali li hemm fil-qalb tagħna li ħadd minna ma jrid jiċħad għax jagħmilna komdi. F’idejna inkunux ulied id-dawl, jew ulied id-dlam!