IV Ħadd tar-Randan

 

Naħseb li ġietu t-tentazzjoni jgħid: “Aħjar bqajt kif kont”. Għax qabdu miegħu bil-kbir. Keċċewħ mis-sinagoga u tertqulu qalbu bil-mistoqsijiet. Tgħid għaliex? Għax propju huma ma kienux qed jaraw. 

Alla qed jagħmel għeġubijiet f’nofshom u huma ma jindunawx. Ma jaċċettawx li Alla jista’ jagħmel l-għeġubijiet għax ġa ffissawlu il-paramentri ta’ fejn u kif għandu jaħdem.

 

Jafu ħafna iktar minn Alla, mingħalihom! Id-dixxipli isaqsu min dineb. Il-Fariżej jgħidu li Ġesu’ ma jistax ifejjaq għax kien is-Sibt. Ġesu’ juri biċ-ċar li dan mhux il-kaz. Juri li l-loġika tiegħu hi bil-kontra. Propju hemm irid juri il-qawwa tiegħu ta’ ħelsien, kif jasal jgħid Pawlu: “Fejn kotor d-dnub kotrot fuq li kotrot il-grazzja”. Fejn jara in-nuqqas ta’ dawl hu jrid iġib id-dawl. Fil-bidu tal-Vanġelu, San Ġwann jgħidilna li kien Ġesu’ li lemaħ lill-agħma minn twelidu. 

 

Kemm hu sabiħ dak il-mument li jilmħek, u int bilmod tibda tilmaħ lilu. Il-grazzja tibda dejjem minnu, u tkompli magħna. Ġesu’ għamel il-parti tiegħu, u l-agħma minn naħa tiegħu għamel dak li setgħa: “Mar, inħasel u ġie jara”.

 

Li jiddependi minna hu il-fatt kemm aħna lesti nibdew naraw bil-qalb tagħna. Ir-raġel minn twelidu ma kienx jara, imma qalbu kienet miftuħa. Mill-ewwel mar u għamel dak li qallu Ġesu’, ma qagħadx jirraġuna wisq. Il-Fariżej ma jarawx l-opra daqshekk sabiħa ta’ Alla, qagħdu jirraġunaw u tilfu il-gost kollu u pruvaw itellfuħ lil dan li ġie jara, biex ma nsemmux li pruvaw itellfuħ lil ġenituri tiegħu u lil Ġesu’ inniffsu.

 

Tant hu qalbu miftuħa dan ir-raġel li ġie jara li ma jiddejjaqx bilmod il-mod jagħmel proċess biex ikompli jiċċara il-viżjoni tiegħu ta’ min hu Alla. Jibda billi jgħid: “Wieħed raġel jgħidulu Ġesu’”, jimxi pass ieħor u jgħid: “Dak Profeta”, ikompli billi jistqarr li dan il-bniedem ġej minn Alla. Fl-aħħar jistqarr: “Nemmen, Mulej”.

 

Dan huwa il-proċess li aħna mistiedna nagħmlu f’dan l-Għid. Ejjew nkomplu niskopru min hu Alla. Mhux biżżejjed nargumentaw fuq min hu. Ejjew nindunaw li Alla jħares lejna bi ħlewwa, diġa’ lemaħna. Dak hu li ser nagħmlu dakinhar ta’ Sibt il-Għid; ser inkomplu niskopru min hu dan id-dawl, u x’irid jagħmel magħna u għalina. Fil-bidu tal-velja is-Sibt filgħaxija ser nagħmlu ċ-ċelebrazzjoni tad-dawl. Ser nistqarru li l-Mulej, bil-blandun mixgħul huwa il-Bidu u tmien, l-Alfa u l-Omega, tiegħu ż-żmien u l-eternita’. Ser nkantaw li Kristu huwa d-dawl.

 

Kemm qed inħalliħ idawwali ħajti? Kemm qed inħalliħ jbiddel id-dlam tiegħi f’dawl. Illum, dan l-Għid huwa l-okkażżjoni li nħalli l-Mulej jerġa’ jgħaddi f’ħajti, ma naqtax qalbi jekk bħalissa nħossni ma narax, Hu jara, lili lemaħni, irid ibiddilni. L-Għid għoddu magħna, ejjew ġa minn issa nħossu dak illi Alla jrid jagħmel magħna. Il-ġebla ta’ fuq il-qabar ser tittajjar minn fuq qalbna ukoll. “Stembaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuq Kristu”!

 

Il-Ħadd it-tajjeb!