L-Erbgħa tal-Irmied

Illum l-Erbgħa tal-Irmied. Qed nagħtu bidu għal Żmien ir-Randan b’Vanġelu li għandu melodija ferriħija! Dan il-Vanġelu jippreżentalna programm mibni fuq tliet pilastri: il-karita', it-talb u s-sawm. Tliet mezzi li jistgħu jgħinuna nżommu fil-fond ta’ qalbna relazzjoni ħajja ma’ dak li ma ddejjaqx isir offerta, talba u sagrifiċċju għalina.

 

Relazzjoni ħajja: Hekk mistiedna jkollna mal-Mulej Ġesu' f’dan iż-żmien tant qawwi fil-ħajja tan-nisrani. F’dan ir-Randan il-Kelma ta’ Alla, fl-aħħar tlett iħdud tiegħu ser tlaqqana ma’ Ġesu’; l-ilma, d-dawl u l-ħajja tagħna.  Ser niltaqgħu ma' Ġesu' bħala l-ilma tal-Ħajja fil-Vanġelu tas-Samaritana, ser niltaqgħu miegħu bħala d-dawl tal-ħajja fil-Vanġelu tal-agħma, ser niltaqgħu miegħu bħala ħajja fil-Vanġelu ta' Lazzru. Ir-Randan ta’ din is-sena huwa mfassal għalik biex inti terġa’ tiskopri dak li rċevejt fil-magħmudija – Ħajja Ġdida. Indfinna miegħu fil-mewt biex miegħu inqumu għall-Ħajja.

 

Hekk kif nibdew dan ir-Randan ejjew inżommu f’moħħna fejn irid iwassalna dan ir-Randan. Irid iwassalna fuq l-għatba tal-Għid biex niċċelebraw lill-Awtur tal-Ħajja. Iridna niskopru l-għajn tal-ħajja li ma tispiċċa qatt u aħna wkoll insiru xmajjar ta’ ilma ħaj, li joħroġ mill-kustat ta’ Kristu, jgħaddi mill-fonti tal-magħmudija għal ġo fina, u minn ġo fina għal fuq ta’ madwarna. Iridna niskopru lilu bħala id-dawl tad-dinja biex aħna bħalu nsiru tassew id-dawl jiddi fid-dlam. Iridna jkollna l-ħajja fina biex permezz tal-ħajja tiegħu fina, aħna nagħtu ‘l ħajja lill-oħrajn.

 

Il-Mixja t-tajba lejn l-Għid imqaddes. 

 

VANĠELU

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
_________________________________________________________________________________

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet.

 

Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.

 

U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.

 

Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu