Nies ta’ ras iebsa?

Meta Alla bagħat lil Ġona jħabbar il-qerda tal-belt ta’ Ninwè minħabba l-ħajja ħażina tan-nies, il-poplu kollu nidem u bidel ħajtu u Alla ħenn għalih. Is-sultana ta’ Saba, għalkemm pagana, vjaġġat fit-tul biex tisma’ lil Salamun li kellu fama ta’ sultan għaref u meta semgħetu għarfet il-kobor ta’ Alla ta’ Israel. Iżda l-folla ta’ żmien Ġesù riedet sinjali oħra, riedet il-provi biex taċċetta l-imħabba li Alla kien qed jipproponilha. 

Aħna wkoll ġie li nkunu rasna iebsa u ma nafdawx fil-kliem tal-Mulej jekk dan ma jkunx imsieħeb minn xi effetti speċjali. Minkejja kollox, Ġesù jinsisti li s-sinjal waħdieni huwa ħajtu u l-ħbiberija tiegħu stess.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona. Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel. F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-Nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf tal-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun! F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu