L-Erbgħa wara t-tielet Ħadd tar-Randan

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.

Meta inwieġbu għas-sejħa biex nerfgħu s-salib u jimxu fuq il-passi ta’ Ġesù, jkollna bżonn ta’ sinjali. Dawn, bħas-sinjali tat-traffiku jew  xi mappa, iservu biex  jiggwidawna u jagħtuna direzzjoni.  Il-liġi jew il-kmadamenti, li jitkellem dwarhom il-Vanġelu mhumiex ħajr dawn is-sinjali li juruna t-triq. Ġesù ma ġiex iwarrabhom il-liġi, iżda ried iwassalhom għall-perfezzjoni. Nistgħu ngħidu li flok sempliċi mappa ried jagħtina GPS biex jurina d-direzzjoni aktar aħjar.

Jekk naħsbu ftit naraw, li l-istess salib li qed inġorru huwa ukoll forma oħra ta’ GPS. Li jagħtina d- direzzjonijiet prinċipali. Il-parti wieqfa tas-salib turina kif inħobbu ‘l Alla. Il-parti minduda tindirizzana biex inħobbu lil ħutna.

Min jħarishom dawn il-kmandamenti u jgħallem lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess, jissejjaħ kbir meta jasal fid-destinazzjoni.  Hekk għamel Franġisku ta’ Assisi: għażel il-Kelma tal-Vanġelju bħala l-GPS għat-triq, refa’ u ġarr is-Salib, u ħabb lil Alla u lil proxxmu. Dan l-istil ta’ ħajja wassal lil Franġisku fis-Saltna tas-smewwiet. Kienu ħafna ż-żgħażagħ li tgħallmu minnu u mxew fuq il-passi tiegħu.