V Ġimgħa tar-Randan

Riflesjonijiet għall-5 ġimgħa tar-Randan minn P. Stephen Borg OFM Conv

 

It-Tnejn

“Min fostkom hu bla dnub jitfgħala l-ewwel ġebla”.  Aħna ngħidu li kull minn jgħolli taħt idejh kulħadd għandu xi jxomm. Għalhekk mis-sema ‘l isfel ħadd ma jista jipponta subajh lejn ħadd, imma jkun aktar ta’ ġid għalih innifsu li jiskopri d-dnub tiegħu. U jersaq biex jikseb il-ħniena t’Alla, “anqas jien ma nikkundannak”.

 

It-Tlieta

Kif nista nkun viċin t’oħti li tinsab l-Awstralja? Daqshekk ieħor narha diffiċli li nkun viċin u nemmen f’Alla li ma narax. Iżda naf din il-verita, li permezz tas-sagramenti u l-parteċipazzjoni fil-quddies, nista ntaffi din id-distanza, għax nemmen li Alla jinsab dejjem viċin tiegħi, huwa jien li ried nilqgħu għandi.

 

L-Erbgħa

Jien nemmen f’Ġesu imma fil-Knisja le. Qiegħed nagħmel bħal Lhud li jgħidu li jemmnu f’Abraham missierhom u ma jemmnux f’Ġesu. F’kelma waħda miniex ninduna li jien nagħmel parti mill-Knisja, u hekk zgur mhux jagħmel sens dak li qiegħed ngħid. Aħseb u ara kemm qiegħed nimxi skont il-Vanġelu ladarba ma nismax mill-Knisja. Kemm verament neħtieġ li nisma’ l-Kelma t’Alla!

 

Il-Ħamis

“...min iħares il-Kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt”. Ara kif id-deffien taċ-ċimiterju jista jemmen din il-kelma! Jemminha meta jibda jagħraf li l-ħajja f’din id-dinja tgħaddi malajr, u għalhekk jfittex jagħmel aktar ħiltu biex jsib l-iskop u s-sens ta’ ħajtu. B’hekk tikbirlu t-tama f’Alla, u jfittex jwettaq il-pjan t’Alla għalih.   

 

Il-Ġimgħa

Jien ngħid x’nies kienu dawn li ma jemmnux lil Ġesu wara li għamel tant sinjali magħhom. Kif tista ma temminx! U llum, Alla jagħmel ħafna sinjali miegħi u xi kultant lanqas nifhimhom u anke jkunu strambi jew lanqas ikunu għaddew mill-kurutur ta’ moħħi. Jien kif se naġixxi quddiem dawn is-sinjali ġodda, neħoda kontra Alla jew infittex li nkun aktar viċin tiegħu?

 

Is-Sibt

Xi tfisser għalija li ngħix għal ħaddieħor, li ningħata? Żgur ma tfissirx li rrid nipproduċi bilfors. Ma jfissirx lanqas li rrid jkolli xi kapaċitajiet jew xi kwalitajiet kbar. Imma biżżejjed li jkolli rieda tajba, u nfittex li nisma il-Kelma t’Alla. Din tgħini u tgħallimni sabiex naħseb f’ħaddieħor. U ma ridtx infittex nagħmel kif jaqbel lili, imma rrid naqsam ħajti ma’ l-oħrajn, anke man-nies li ma nafhomx.