Dan Lulju ma ninsewhx malajr...

Lulju kważi għadda, imma mhux ser ninsewħ faċilment minħabba l-għadd ta’ festi li bħala grupp vokazzjonali ċċelebrajna. Kienu mumenti sbieħ li flimkien fraħna ma’ diversi minn ħutna Franġiskani Konventwali.

Fit-3 ta’ Lulju morna flimkien għall-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ ħutna Patri Josef Pace u Patri Stephen Borg fil-Konkattidral ta’ San Gwann. Fid-9 ta’ Lulju pparteċipajna għall-Velja Vokazzjonali bi tħejjija għall-ewwel Quddies ta’ Radd il-ħajr ta’ ħutna Josef u Stephen. Il-Ħamis, 11 ta’ Lulju attendejna għall-Prima Messa ta’ Patri Josef fil-Parroċċa ta’ Santa Luċija, u it-Tlieta, 23 ta’ Lulju morna għall-dik ta’ Patri Stephen.

Il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju xi wħud mill-Grupp Vokazzjonali pparteċipajna għall-Velja Vokazzjonali bi tħejjija għall-Professjoni ta’ Fra Christian Borg u Fra Joseph Formosa. Il-Ħadd, 21 ta’ Lulju konna xhieda tal-professjoni solenni tagħhom fi ħdan l-Ordni tal-Patrijiet Minuri Konventwali.

Ma rridux ninsew l-anqas l-erbgħa t’ijiem li qattajna għadwex fost ħafna ferħ, daħk u qbiz fil-pool (saħansitra bil-mobile b’kollox)! Kienu ġranet li fihom stajna napprezzaw x’valur hemm fil-ħajja Nisranija u Fraterna. Il-mumenti tat-talb u ta’ formazzjoni nisranija kienu mumenti li kulħadd apprezza ħafna. Il-mumenti rikrejattivi jitkellmu weħidhom. Il-Burgers kellhom togħma differenti, il-ballun jaqbeż in-naħa l-oħra, u in-nhar tal-BBQ mhux l-ewwel darba li kien ser jintefa’. Insomma dan kollu m’għandniex ritratti tiegħu imma żgur li kif niftakru f’dawn l-episodji nitbissmu.