Qaddejja tal-poplu t'Alla - minn Kurt Galea

 

Hawn, jien Mulej mixħut f’riglejk! Hawn, din ħajti kollha f’idejk, daqsekk għext jien imma Kristu jgħix fiha. Kemm hi ħaga tqila u diffiċli li tagħti lilek innifsek totalment lil Alla iżda kemm hi ħaġa meraviljuża li Alla juża lilek persuna sempliċi, biex jiġbor u jħaddan l-erwieħ miegħu!

 

B’ferħ kbir, nhar il-Ħadd, 3 ta’ Novembru aħna tal-grupp vokazzjonali frangiskani konventwali assistejna ghal-ċelebrazzjoni liturġika li fiha sitt qaddejja t’Alla, ingħataw totalment lilu. Fost dawn id-djakni ġodda kien hemm Fr. Stephen Borg u Fr. Josef Pace li it-tnejn li huma jagħmlu parti mill-Ordni tal-Patrijiet Minuri Konventwali. Dawn ħutna fi Kristu ingħataw is-setgħa li jgħammdu, iżżewġu, jagħmlu funerali, iqarrbnu u jippriedkaw.

Fis-santa li giet mogħtija lilna waqt din il-quddiesa insibu silta mill-ħsibijiet ta’ San Karlu Borromeo li tgħid “Kun int l-ewwel li tgħix il-ħajja li tippriedka.” Din is-sentenza tagħmel ħafna sens, speċjalment għad-djakni li issa ingħataw il-qawwa li jxandru u jagħlmu il-Kelma t’Alla lill-poplu. Iżda x’sens fih it-tagħlim li jixxandar jekk inti ma twettqux? Din il-ħaġa kien jisħaq ħafna fuqa wkoll missierna San Franġisk meta jgħid “It is no use walking anywhere to preach unless our walking is our preaching.”

Fl-aħħarnett f’isem sħabi tal-grupp vokazzjonali nifirħulkhom Fr. Josef u Fr. Stephen għal dan il-pass kbir li għamiltu fil-formazzjoni reliġjuża tagħkom. Aħna nwegħdukom it-talb tagħna sabiex issiru dejjem iżjed magħquda ma’ Kristu permezz ta’ Frangisku li huwa il-gwida tagħkom fit-triq lejn Alla. J’Alla il-Mulej jinqeda bit-talenti sbieħ li għandkom biex jiġbor il-poplu tiegħu.

                                                                Pax et bonum

        Kurt Galea