Vjaġġ Franġiskan

Bħal ma jgħidu : “Kull bidu għandu tmiem”, u hekk ukoll l-esperjenza ta’ sitt ijiem ġewwa l-kunvent mill-isbaħ tal-Qawra fejn hemmhekk sibna komunita’ ta’ patrijiet li għalkemm żgħar fin-numru, kbar fl-imħabba u l-għixien tal-proxxmu, ġiet fi tmiemha. Fil-firxa tal-jiem, mill-qrib, kemm jien u kemm sħabi għixna l-ħajja Franġiskana li hija kollha bbażata fuq pedament wieħed; dak li taqdi u mhux tkun moqdi, li finalment jinqasam f’diversi fergħat bħala eperjenzajna aħna wkoll; mumenti ta’ talb, mumenti ta’ dmirijiet (studju u ħidma akkademika) u waqtiet ta’ rikreazzjoni (bħall-waqtiet ta’ ċajt u divertiment (films) u mixjiet qalb il-kampanja u n-natura ma’ kumpanija sabiħa bħal wara kollox kien jagħmel missierna San Franġisk. Personalment neħħejt l-għanqbut ta’ ħsibijiet u ideat mhux korretti li kelli u rajt li l-patrijiet tassew għandhom impenji x’jaqdu; mhux talb biss.

Din l-esperjenza xeħtet fija sens ta’ serenita’, paċi u ferħ fejn indunajt kemm il-ħin ta’ talb; qasir kemm hu qasir iħalli effetti pożittivi ta’ ġid u hena. Żewwaqt ukoll, il-lenti ta’ kif kont inħares lejn il-ħajja; li wieħed għandu jankra d-dgħajsa tal-ħsibijiet f’port taż-żonqor u mhux f’port tafli, fejn wieħed ikun jista’ jgħarbel u jgħarrex mistoqsijiet tal-ħajja fost id-dinja storbjuża u mgħaġġla tal-lum il-ġurnata. Bħal ma kien jemmen San Franġisk “Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.’’; li wieħed jintelaq f’idejn il-Ħallieq u jwasslek f’ibħra u fi triqat fejn int ma tasalx, hija esperjenza eċċitanti u sabiħa. Hu l-boxxla. Hu l-pedament. Hu l-gwida. Għalkemm il-bniedem ma jistax jifhem il-mod tat-triqat t’Alla wieħed jista’ jara r-riżultat mingħajr l-ebda qtigħ il-qalb.

Fl-aħħar mill-aħħar, minkejja li l-esperjenza ta’ sitt ijiem spiċċat, inħoss l-fjamma ta’ fidi tħeġġeġ fija. Sibt lill-ħaddieħor, sibt familja u qrobt aktar lejn Alla.

(Minn qalbi nirringrazzja lil patrijiet kollha tal-kunvent speċjalment lil patri Andrew Galea u patri Mario Sant talli ħadu ħsiebna u tal-paċenzja  għax ħadnilhom rashom!)

Michael Attard

 

Michael Grech bħalissa qiegħed esperjenza fil-Kunvent tal-Qawra matul iż-żmien tar-Randan. Filwaqt li bejn it-2 u t-8 ta’ Marzu, ħames żgħażagħ oħra ingħaqdu miegħu. Dawn huma Daniel Axisa, Michael Attard, Gary Fenech, Sergio Fenech u Kurt Galea. Inżommuhom f’talbna sabiex ikomplu jagħrfu tassew is-Sejħa tal-Mulej.