4 Ħadd tal-Avvent

Waqt li Eliżabetta kienet waslet fis-6 xahar tat-tqala tagħha, Alla jiddieċiedi li jidħol fl-istorja tal-bniedem biex ikellem lil Marija, u jitnissel l-awtur tal-Ħajja, dak li kollox sar bih u mingħajru ma sar xejn. Jinżel fi storja, li bħal Ġwanni il-Battista fil-ġuf ta’ Eliżabetta għadha qed tieħu forma. Imma minkejja li għadha mhix mwassla sat-tmiem, minkejja li għadha qed tifforma ruħha, l-istorja hija ta’ Alla u Hu jitkellem biex kull wegħda tasal fil-milja tagħha. Kull bidu ta’ ħajja hi ħajja.  Hekk hi kull tqala, hekk hi kull żerriegħa li tnibbet, hekk hi kull fjura li tibda tiftaħ. Hija il-wegħda li kollox ser jibqa’ għaddej, li il-ħajja ma tintemm qatt.

U hekk, fl-istorja mhux kompluta tal-poplu ta’ Alla, li qed jistenna li l-wegħda sseħħ, Alla jitkellem u jagħmel li kollox ikun skond kelmtu. Alla jinżel fi storja li għadha ma waslitx fl-aħħar kelma tagħha, kien jonqos KELMA waħda, il-KELMA ta’ Alla li ssir bniedem.

L-istess kien ġara fil-ħolqien tad-dinja. Alla, jum jum jibda joħloq, imma il-ħolqien ma wasalx fi tmiem tiegħu sakemm Alla tkellem mal-bniedem. Hemm biss seta Alla jistrieħ, hekk kif fis-6 jum kellem lil dak li kien ħalaq u qallu: “Nisslu u oktru u imlew l-art”.  

U l-istess jagħmel fl-istejjer tagħna mhux kompluti. Kemm –il darba aħna nħossu li fil-ħajja tagħna jonqos xi ħaġa, kemm –il darba nħoss li ħajti għadha storja mhux kompluta, kemm –il darba nsaqsi kif il-wegħdi ta’ Alla ser isiru realta’ fil-ħajja tiegħi. Anke Marija ssaqsi: “Kif ikun dan”? U Alla jserraħ l-irjus u jgħdilna li ser jagħmel kollox hu. Irid biss tlett affarijiet: l-“iva” tiegħi, il-ferħ tiegħi u li ma nibżax, il-bqija f’idejħ.

L-anġlu lil Marija kkmanda tifraħ: “Ifraħ Marija għax int sibt grazzja quddiem Alla”. Kemm jiġrilna li ma narawx il-barkiet li Alla qed jagħmel magħna. Kemm għadna imwaħħlin ma x’jonqosna u ftit napprezzaw x’għadna. Alla qed jistedinni ma nibżax, mhux ser jiddeludini, mhux ser iħallini waħdi. Hemm bżonn nadfa fil-Kelma tiegħu, hekk biss nista’ ngħidli “iva”. Sakemm nibqa’ nara lil Alla bħala dak li jrid jisraqli xi ħaġa nibqa’ ma nafdaħx, nibqa’ nibża minnu, nibqa’ mdejjaq.

Alla ma jrid jeħodli xejn, irid jagħtini kollox. Ejjew inkomplu nafdawħ, ma nibżgħux minnu. Alla jrid ikun l-aħħar KELMA tal-istorja tagħna. Kull storja tispiċċa tajba għax tispiċċa fih. Mhux ta’ b’xejn li l-Bibbja tagħlaq bil-kliem “Ejja Mulej Ġesu'”. Iva ejja, u agħmel sema ġdida u art ġdida, minn ħajjitna ħolqien ġdid.