II Ħadd matul is-Sena 

Kemm jiġrilna li mingħalina nkunu nafu lil xi ħadd imma fil-verita' jkun differenti ħafna minn dak li aħna inkunu ħsibna li hu? Kemm jiġrilna li mingħalina nkunu nafu lilna nfusna, imma ċerti ċirkustanzi tal-ħajja jgħinuna nifhmu li lanqas lilna nfusna ma nafu sew? Kemm jiġrilna li mingħalina nafu lil Alla, imma Alla juri lilu inniffsu differenti ħafna minn dak li aħna nkunu immaġinajna li hu?

L-istess ġralu Ġwanni il-Battista! Ma kienx jafu qal! Qabel ma raħ Ġwanni kellu ideja differenti ta' min kien Ġesu'. Għalih kien dak li kellu jiġi biex jixħet il-ħuxlief fin-nar li ma jintefiex, kien dak li f'idu kellu il-mannara biex iwaqqa’ s-siġar li ma jagħmlux frott. Imma malli jaraħ isir il-"Ħaruf ta' Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja" Il-Messija, Ġesù, kellu jagħżaq u jdemmel l-art tas-siġra, jagħmilha isbaħ, jagħmel li tagħti il-frott, u mhux jeqridha. 

Ir-Raba' Vanġelu jirrakonta li lil Indri, li anqas hu ma kien jafu, għoġbitu l-ideja ta' Messija - ħaruf. Filfatt hu u d-dixxiplu l-ieħor mill-ewwel jitilqu għall-warajh. Pero' Alla mhux biss ideja li tingħoġob jew le. Min irid imur wara Ġesu' irid jimpenja ruħu. Ir-relazzjoni ma' Alla mhix biss sensazzjoni  sabiħa, sensazzjoni li sserraħ is-sensi u tagħti paċi lill-qalb u l-moħħ. Relazzjoni bħall din tgħinek tħossok tajjeb iva, imma ma tgħinekx tikber.  Lanqas ma hi biss l-ħarsien ta' obbligi, liġijiet u preċetti. Relazzjoni bħall-din, minn naħa l-oħra taqtagħlek nifsek u wara ftit miexi, tgħolli kollox. 

Kull min irid jibda jagħmel l-ewwel passi wara Ġesu' irid l-ewwel nett jagħrbel x'hemm f'qalbu, x'inhu dak li qalbu trid? Ġesu' l-ewwel ħaġa li jistiednek tagħmel hija li tkun taf lilek innifsek, għaliex trid tmur warajh. Hekk isaqsihom: "Xi tridu"? U biex tkun taf xi trid, l-ewwel trid tkun taf lilek inniffsek. Marru u qagħdu miegħu, u skoprew li l-Ħaruf huwa dak li qalbhom trid. Is-sejħa hija dejjem don, imma fl-istess ħin titlob risposta sħiħa, mimlija entużjażmu. Fuq kollox tesiġi liberta'. Ġesu' qatt ma sejjaħ lil xi ħadd warajh bilfors. Is-sejħa titlob tweġiba ħielsa u hija għajn ta' ħelsien! Meta tibda miexi warajh tinduna li qalbek tikber. 

Huwa dan li jagħmel id-dixxiplu ta' Ġesu'. Meta jiskopri x'hemm f'qalbu, meta jiskopri min hu Ġesu' ma jistax ma jmurx ixandar l-aħbar li dan Alla huwa ta' min iħobbu. Anke hawn b'liberta' assoluta. In-nisrani ma jisforza 'l ħadd ikun ta' Ġesu' imma min nkliemu, minn għemilu jistieden għal din l-isbaħ esperjenza li qatt jista  jista' jagħmel il-bniedem - il-laqgħa ma' Kristu Ġesu'. 

Il-Ħadd it-tajjeb