II Ħadd tar-Randan

“Kemm hu sew li aħna hawn”!

Kemm ilek ma tgħidha din il-frażi?

Kemm ilek ma tgħid li fejn qiegħed tinsab tajjeb?

Spiss jiġri fil-ħajja, li tant inkunu mtaqqla b’dak li nkunu għaddejjin minnu li nsibuha diffiċli nistqarru li fil-ħajja baqa’ xi ħaġa sabiħa, xi ħaġa, li għaliha jiswa’ li tgħix u tmut?

Illum Ġesu’ qed jistedinna nikkontemplaw is-sbuħija tiegħu b’moħħna fis-salib. Innutaw naqra kemm huma ferħanin il-ħbieb ta’ Ġesu’ li jinsabu hemm, waqt li hu, ma’ Mose’ u Elija, jgħidilna wieħed mill-Vanġeli kien qed jitkellem fuq “it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm”! U aħna li ġejna wara nafu kif kellu jkun it-tmien ta’ ħajtu. Sbuħija u ferħ, salib u tbatija jitħawdu f’xulxin.

L-appostli huma ferħanin għax waqt li qed jikkontemplaw il-wiċċ daqshekk sabiħ ta’ Ġesu’ Kristu il-Mulej trasfigurat, anke wiċċhom ġie trasfigurat, u minn wiċċhom ħarġet l-istess dija. Aħna nsiru dak li nikkontemplaw. Il-wiċċ huwa dejjem il-mera tal-qalb u jirrifletti dejjem dak li nkunu qed nikkontemplaw. Jekk qalbna tikkontempla mibgħeda, vendetta, ħsara, nkwiet, biżgħa, dawn kollha jkunu evidenti f’wiċċna sfigurat. Jekk aħna nirriflettu fuq is-sbuħija tal-ħajja minkejja t-tbatija, fuq il-maħfra minkejja il-weġgħat, fuq il-paċi fejn hemm il-gwerrer, fuq l-imħabba fejn hemm il-mibgħeda, wiċċna awtomatikament jirrifletti dan kollu u jkun wiċċ trasfigurat, l-istess bħal tal-Mulej Sidna fi sbuħija kollha tiegħu.  

Ġesu’ jiddeċiedi li jitrasfigura ruħu quddiem l-appostli tiegħu, biex meta jkunu taħt is-salib, wiċċhom ma jimbidilx imma jibqa’ jilma b’dak li kienu raw qabel fi trasfigurazzjoni. Wiċċhom kellu (anke jekk sabu xi diffikulta’ jagħmlu dan) jibqa’ jirrifletti is-sbuħija tal-Mulej Ġesu’! U jien quddiem id-diffikultajiet, kemm jien kapaċi ninduna li fil-ħajja mhux kollox imur żmerċ? Kemm jiġrili li f’mumenti diffiċli ma nibqa’ nara xejn? Kollox isir dlam u nibda kuljum nemmen li dak id-dlam ser jibqa’ għal dejjem? Anke jien, l-istess bħall-appostli nibża’ xħin nidħol fl-isħaba imma propju minn dik is-sħaba joħroġ il-leħen li jgħidli: “Dan hu Ibni il-maħbub, lilu isma’”!

Propju waqt li donnu li kollox ġej ħażin li Alla jgħidli li huwa miegħi, li jaf min xiex inkun għaddej. Forsi il-problemi ma jitilqux, imma nibda narahom b’mod differenti, għalija minflok kundanna isiru mezz ta’ salvazzjoni. Nibda ftit ftit nifhem li Alla jaħdem kollox għal ġid ta’ dawk li jħobbuħ. Nibda nkun kapaċi ngħid “Iva, kemm hu sew li qed hawn, minkejja li l-ħajja tiegħi ta’ ġenitur donna falliet, l-istess ir-relazjonijiet tiegħi, l-istess ix-xogħol tiegħi, anke dak li nagħmel għall-Mulej, minkejja li jkun hemm min irid iġib il-firda fejn hemm il-għaqda, il-mibgħeda fejn hemm l-imħabba”.

Kemm jien kapaċi nibqa’ nirrifletti (nħares lejn) wiċċ Ġesu’ u wiċċi jibqa’ jirrifletti (juri) il-wiċċ ta’ Ġesu’ lill-oħrajn?

Iebes dan il-kliem, min jista’ jifhmhu? Mulej agħtina d-dehen.