IV Ħadd matul is-sena

Normalment meta aħna nagħmlu xi ħaġa tajba nieħdu pjaċir jekk xi ħadd iċapċpilna. Hekk ukoll nieħdu pjaċir jekk xi ħadd jagħtina xi premju għal xi ħaġa ta’ ġieħ li nkunu wettaqna. Jekk ma jġibuniex fuq it-televixin għal dak it-tajjeb li nkunu għamilna, almenu npoġġu status fuq facebook biex imbgħad kulħadd jiktbilna “Well Done”, “Prosit”, jew “Keep it up”. Ġesu’ imma kien daqxejn stramb f’dan. Ma tantx kien jieħu pjaċir idoqq trombi.

Illum fil-Vanġelu nsibuh jċanfar lill-Ispirtu mniġġes li qallu: “Aħna nafu min int, il-Qaddis ta’ Alla”. Mhux illum biss tafux. Meta jqajjem lil Bint Ġajru jgħidilhom li ma jrid li ħadd ikun jaf b’dk li ġara. Darba minnhom għamel miraklu billi fejjaq wieħed li ma kienx jisma’ u jitkellem. Interessanti li qabel fejqu il-Vanġelu jgħidilna: “Ġesu’ ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies...”. Wara jkompli: “Ġesu’ wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda iktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh”. L-istess għamel mal-appostli wara t-Trasfigurazzjoni.

Għaliex tgħid? Ġesu’ kien jaf li hemm riskju kbir li meta l-bniedem jara l-mirakli jibda jaħseb li Alla huwa dak li jeżisti biss biex jagħmel il-ħajja tagħna faċli. Ejjew nkunu sinċiera magħna nfusna. Fil-fond ta’ qalbna huwa dan l-Alla li rridu; dak li jrebbaħna lotterija, dak li jrattab qalb hutna li ma jridux jaqsmu magħna il-wirt, dak li jfejjaq il-mard kollu tagħna. Irridu Alla li jkun kapaċi jagħmlilna l-pjaċiri. Jaf Ġesu’ li meta jitkellem fuq affarijiet oħra, iktar diffiċli aħna, jiena magħkom, nsibuha diffiċli nemmnuh, aħseb u ara nimxu warajh!

Hekk ġralu meta tkellem fuq dak kollu li kien iebes, tant li d-dixxipli tiegħu qalulu; “Boss irranġa naqra kliemek għax kulħadd ser idabbar rasu”. Ġesu’ min kif wieġeb ma deherx li nkwieta ħafna.

Ġesu’ jagħti ħjiel ta’ meta għadna nitkellmu u nxandru għemilu. Hekk jgħid lill-Appostli wara t-Trasfigurazzjoni: “Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq dak li kienu raw qabel ma Bin il-Bniedem ikun qam mill-imwiet”.

Ġesu’ jrid li nsiru nafuh mhux mill-għeġubijiet ekklatanti, sensazzjonali u li jimpressjonaw, imma fis-salib! Mhux Alla tal-fantaxjenza, imma Alla li jingħaraf kemm iħobb għax jingħata sal-aħħar. Anke aħna mhux ser nintgħarfu li aħna tiegħu minn kemm nippridkaw sabiħ, lanqas minn kemm nkunu popolari imma minn kif ngħixu s-salib tagħna; forsi għajjiena, beżgħana u fraġli imma sereni.

Il-Vanġelu ta’ San Mark jispiċċa bi stqarrija sabiħa ta’ ċenturjun pagan, li ma kienx imur sinagoga u għall-Lhud ma kienx jemmen f’Alla veru. Il-Vanġelu ċar: “Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: “Dan il-bniedem tassew li kien Bin Alla”. Mur ifhem! Min jaf x’ra! Li hu żgur ra Alla li ħabb sal-aħħar, li ma għex għalih nniffsu, ma rax mirakli, anqas għeġubijiet, rah imut! Għaraf lil Ġesu’ fis-salib. J’Alla nagħrfuh hekk ukoll jien u int! 

Il-Ħadd it-tajjeb